Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Jappellaw biex negozji żgħar jingħataw għajnuna biex isiru aktar aċċessibbli

In-nuqqas ta’ aċċessibbilità jibqa’ l-akbar ostaklu li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilità. Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità jitkellem mal-gazzetta ILLUM. X’hemm bżonn isir? Minn fejn se nibdew?

Yendrick Cioffi / 8 ta' Frar 2019 09:28
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna, qal mal-gazzetta ILLUM li jeħtieġ ikunu introdotti skemi li jgħinu b’mod finanzjarju lin-negozji żgħar biex ikunu jistgħu jagħmlu l-ħwienet tagħhom aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

Fir-rapport annwali, ippubblikat mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), jirriżulta li minkejja l-kuxjenza li qed titqajjem, għar-raba’ sena konsekuttiva, l-aċċessibilità kienet l-aktar fattur li dwaru l-Kummissjoni rċeviet ilmenti.

Dan hu l-ewwel rapport ta’ sena sħiħa ħidma għall-Kummissjoni (2016/2017), minn meta fl-2016 daħlu fis-seħħ l-emendi fl-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs.

Tul il-perjodu li dwaru jitkellem ir-rapport, is-CRPD irċeviet total ta’ 86 ilment.

Anke jekk dan kien ifisser 45 ilment inqas mis-sena ta’ qabel, Scicluna insista li l- n-nuqqas ta’ aċċessibilità jibqa’ wieħed mill-akbar ostakli li l-persuni b’diżabilità jħabbtu wiċċhom magħhom kuljum.

Kien hawnhekk li d-diskors waqa’ fuq negozji żgħar, fosthom ristoranti u kafetteriji li wħud minnhom jibqgħu mhux aċċessibbli għal kulħadd, bil-Kummissarju Oliver Scicluna jisħaq dwar il-bżonn ta’ skemi li jgħinu lil dawn is-sidien biex iwettqu l-bidliet infrastrutturali meħtieġa fil-faċċati tan-negozji tagħhom bl-għan li jkunu aktar aċċessibbli.

Scicluna fakkar f’rapport ippubblikat is-sena li għaddiet u li fost oħrajn wera kif minn 300 stabbiliment u binja fil-Belt Valletta, 30 biss huma aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

“Aħna nippretendu li jekk fil-Belt Valletta hemm 300 stabbiliment, almenu jekk mhux kollha, 250 minnhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd,” saħaq Scicluna. “Inutli noħorġu rapport wara l-ieħor u nibqgħu fejn aħna.”

Iżda kieku wieħed jifli xi ftit ir-rapport, jinduna li ċertu diffikultajiet li qed jiffaċċjaw persuni b’diżabilità, jistgħu faċilment jiġu evitati bi ftit ta’ attenzjoni u ħsieb min-naħa tas-sidien. Għalfejn faċilitajiet sanitarji f’ristorant, li suppost jintużaw minn persuni b’diżabilità, għandhom jinbidlu f’maħżen? Jew għalfejn counter f’supermarket rinomat ma għandux ikun magħmul b’tali mod li jkun aċċessibbli minn kulħadd?

‘Għalfejn għadna nibnu bankini ġodda mhux aċċessibbli?’

Iżda l-problema mhijiex biss tan-negozji żgħar, hekk kif fost oħrajn, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità lmenta dwar nuqqas ta’ koperazzjoni li teżisti bejn entitajiet diversi u nuqqas ta’ monitoraġġ u ċertifikazzjoni fuq xogħlijiet li jsiru.

“Ma hemmx għalfejn inħarsu ’l bogħod. Nistgħu nibdew mill-infrastruttura, partikolarment il-bankini,” saħaq Scicluna. “Għalfejn mhux dejjem nimxu mal-istandards?”

Ilmenta dwar il-fatt li minkejja l-kuxjenza li l-Kummissjoni tipprova tqajjem, għadhom qed jinbnew bankini ġodda li persuni b’diżabilità, partikolarment dawk li jużaw is-siġġu tar-roti, isibuha diffiċli biex jaċċessaw, kemm minħabba l-wisgħa u anke minħabba li ma jkunux jinkludu rampi.

Filwaqt li qal li jifhem lil dawk il-Kunsilli Lokali li ma jkunux jistgħu jagħmlu bankini wiesgħa biżżejjed, minħabba t-toroq dojoq, saħaq li wieħed jippretendi li f’toroq prinċipali u wiesgħa, bankini ġodda jinbnew b’tali mod li jaħsbu wkoll f’persuni b’diżabilità.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna
Mistoqsi jekk il-Kummissjoni ssegwix dawn il-proġetti, Scicluna saħaq li tkun involuta f’ħafna mill-proġetti l-kbar, madanakollu insista li anke minħabba r-riżorsi tagħha huwa impossibbli li ssegwi fuq il-proġetti kollha jew fuq kull bankina li tkun qed tinbena.

Bħall-eżempji msemmija, anke fejn jidħlu l-bankini u infrastruttura oħra, ċertu ostakli għall-persuni b’diżabilità setgħu ġew evitati. Fost dawn, ir-rapport isemmi sleeping police f’nofs zebra crossings li jagħmluha diffiċli għall-persuni nieqsa mid-dawl jew inkella bi problema ta’ mobilità, arbli tad-dawl u tabelli f’nofs bankina, subways u bus stops mhux aċċessibbli.

Oħrajn, kienu frott ta’ xi ftit tal-egoiżmu bħal karozzi pparkjati ħażin fuq il-bankina, kannestri tal-ħaxix jew xi rail bil-ħwejjeġ u l-famużi mwejjed u siġġijiet li jostakolaw il-passaġġ.

F’sena jiġu revokati 1,200 Blue Badge

Ġaladarba semmejna l-karozzi pparkjati ħażin, ma’ Oliver Scicluna ma stajniex ma nitkellmux ukoll dwar il-Blue Badge hekk kif minkejja li issa din għandha bażi legali u żdied l-infurzar kontra min  jabbuża mill-parkeġġ jew mid-dokument innifsu, xorta waħda għad hawn min jiġi u jaqa’ u jqum.

“Mhux qed nippretendu li f’sena jinbidel kollox,” saħaq Scicluna iżda insista li wieħed jista’ faċilment jevita li joħloq inkonvenjent għal ħaddieħor. “Lili personalment din taffettwani ħafna u bħali ħafna persuni oħra li għandhom problema ta’ mobilità.”

Anke jekk l-Att dwar il-Konċessjonijiet ta’ Parkeġġ għal Persuni b’Diżabilità jiddikjara li l-ilmenti dwar abbuż ta’ Blue Badge għandhom jiġu indirizzati lill-Pulizija, il-Kummissjoni xorta waħda tilqa’ rapporti.

L-akbar ammont ta’ rapporti li rċeviet il-Kummissjoni bejn Jannar u Diċembru tal-2017 kien rigward abbuż ta’ parkeġġi għall-persuni b’diżabilità, filwaqt li s-sena ta’ qabel l-akbar ammont ta’ rapporti kien jirrigwardja abbuż ta’ Blue Badges.

Scicluna saħaq li tul din l-aħħar sena, il-Kummissjoni rrevokat 1,200 Blue Badge. Fost il-każijiet kien hemm persuni li nqabdu jabbużaw minn dan id-dokument u każijiet ta’ persuni li għamlu fotokopja tal-Blue Badge.

"Aħna nippretendu li jekk fil-Belt Valletta hemm 300 stabbiliment, almenu jekk mhux kollha, 250 minnhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd"
Il-Kummissjoni, li hija l-entità responsabbli mill-ħruġ ta’ dan il-permess, kull meta tirċievi rapport dwar Blue Badges li ngħataw b’mod skorrett, tinvestiga l-każ u jekk ikun hemm bżonn il-persuna tissejjaħ quddiem il-bord tal-eliġibilità li jkun jinkludi membri differenti minn dawk li ħadu d-deċiżjoni oriġinali.

L-Att kien jinkludi tibdiliet oħra fosthom anke fid-dokument innifsu bl-għan li jagħmilha iżjed diffiċli li jsiru fotokopji tad-dokument. Madanakollu, Scicluna qal mal-gazzetta ILLUM li d-dokument se jerġa’ jinbidel għax xorta kien hemm min irnexxielu jagħmel fotokopja tiegħu.

Skont l-Att, meta persuna tinstab ħatja ta’ abbuż għandha teħel multa ta’ mhux anqas minn €230 u mhux aktar minn €500 flimkien mal-irmonk tal-vettura. Jekk terġa’ tinstab ħatja, il-multa tkun bejn €1,000 u €5,000.

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tirtira l-Blue Badge jekk id-detentur jinstab ħati darbtejn b’użu mhux xieraq.

Ħarsa lejn uħud mill-ilmenti prinċipali li għadhom pendenti
  • Xogħol: Persuna b’diżabilità titħallas tliet xhur b’lura
  • Edukazzjoni: Nuqqas ta’ aċċessibbilità f’diversi skejjel tal-kompjuter
  • Aċċess: Nuqqas ta’ aċċessibbilità fl-għases u fil-Librerija Nazzjonali
  • Servizzi: Mobile App tal-MPT mhux aċċessibbli għall-persuna nieqsa mid-dawl
  • Miftuħa: Lift ġo blokka jagħmel xhur ma jaħdimx u sidien joġġezzjonaw li jiġi installat poġġaman
  • Assigurazzjoni: Persuni b’diżabilità infurmati li ma jistgħux jiġu assigurati u jekk jiġu assigurati jridu jħallsu t-tripplu


Il-punti prinċipali tar-rapport
  • Tul l-2016/2017 il-Kummissjoni taħdem fuq 522 ilment. In-numru ta’ lmenti ġodda naqas b’45 ilment fuq is-sena ta’ qabel
  • L-ilmenti żdiedu fil-qasam tal-edukazzjoni, tax-xogħol, u tad-djar
  • L-ilmenti naqsu fejn tidħol l-aċċessibilità u fl-għoti tas-servizzi
  • Għall-ewwel darba f’ħames snin ġew irreġistrati ilmenti fil-qasam tal-assigurazzjoni
  • L-akbar numru ta’ ilmenti saru fil-konfront tal-Gvern, il-Kunsilli Lokali, entitajiet parastatali u fil-konfront tal-Knisja
  • L-akbar numru ta’ lmenti ġodda relatati mal-aċċessibilità saru fil-konfront tal-Kunsilli Lokali, filwaqt li 36 każ kienu marbuta mas-settur tal-edukazzjoni
  • Fl-aħħar sena, il-Kummissjoni għalqet 232 ilment mill-522 ilment li ħadmet fuqu, bl-akbar numru ta’ lmenti magħluqa kienu fil-konfront tal-Gvern
  • Tul l-istess perjodu, il-Kummissjoni ressqet protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili waqt li kompliet taħdem fuq 12-il protest mis-snin ta’ qabel u tliet kawżi li għadhom għaddejja
  • Matul din is-sena, l-uffiċjali tekniċi wettqu 89 spezzjoni fuq siti biex jiddeterminaw l-aċċessibilità


Stħarriġ
Segwina fuq Facebook