Bil-ġlekk jew bit-tracksuit? L-istudenti se jiddeċiedu jekk tinbidilx l-uniformi

Minn għada, il-Ministeru se jkun qed jagħti bidu għal konsultazzjoni fuq l-uniformi tal-iskejjel tal-istat

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jkun qed jagħti bidu għal konsultazzjoni fuq l-uniformi tal-iskejjel tal-istat.

L-ewwel fażi tal-konsultazzjoni se issir fost l-istudenti fl-iskejjel medji u sekondarji u se jkunu jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom permezz ta’ link jekk humiex favur uniformi kif inhi bħalissa jew tracksuit tal-iskola komda u sportiva bħala uniformi mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

Din il-konsultazzjoni fost l-istudenti tal-iskejjel medji u sekondarji tiftaħ minn għada l-Ġimgħa 1 ta’ Frar sal-Ġimgħa 8 ta’ Frar.

L-istudenti tal-iskejjel primarja se jkunu kkonsultati wkoll. Fost l-istudenti tal-primarja se jiġu organizzati focus groups biex l-istħarriġ ikun b’mod komplet fost l-istudenti kollha tal-istat. 

Wara li tinġabar din l-informazzjoni jkun imiss li l-konsultazzjoni tissokta fost il-ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom fl-iskejjel tal-istat u l-edukaturi tal-iskejjel tal-istat.

Fi stqarrija, il-Ministeru insista li jekk jiġi deċiż li l-uniformi tinbidel fi tracksuit, se jkun hemm phasing-in tal-uniformi l-ġdida biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm piżijiet żejda fuq il-ġenituri.

More in Politika