Francis Zammit Dimech jintagħżel fost il-finalisti għall-Premju 'MEP tas-sena'

“Sa mill-bidu tal-mandat tiegħi, dejjem smajt lin-nies u ħdimt biex nindirizza l-isfidi tagħhom" - Francis Zammit Dimech

Kważi sena u nofs wara li kien elett biex iservi fil-Parlament Ewropew, l-MEP Francis Zammit kien fost tliet MEPs magħżula biex possibilment jirbaħ il-premju prestiġjuż MEP tas-sena għall-ħidma tiegħu fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni u l-media.

B’reazzjoni għal din l-aħbar, Zammit Dimech qal li “sa mill-bidu tal-mandat tiegħi, dejjem smajt lin-nies u ħdimt biex nindirizza l-isfidi tagħhom. Din l-aħbar timlini b’kuraġġ u determinazzjoni biex inkompli nservi bħala l-vuċi tal-poplu fil-Parlament Ewropew. Umilment nirringrazzja lil dawk kollha li jtuni l-appoġġ tagħhom tul il-ħidma tiegħi”.

Francis Zammit Dimech, li ilu MEP minn Ġunju 2017, kien fdat mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew biex iservi bħala rapporteur dwar l-Aġenda Ewropea Kulturali Ġdida. Hu ħadem għal iktar fondi Ewropej għal festivals u biex il-programmi ta’ ffinanzjar ikunu aċċessibbli iktar għal għaqdiet żgħar bl-iskop li jkun preservat il-patrimonju Ewropew u jitqanqal iktar is-sens ta’ diversita’ kulturali. Filwaqt li kien hu li meta kien Ministru tat-Turiżmu fl-2008 beda l-proċess biex il-Belt Valletta tingħata t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura, Zammit Dimech għamel diversi appelli biex ma jkunx hemm indħil politiku fil-qasam tal-kultura. Hu appoġġja l-ħidma biex l-artisti jingħataw kumpens ġust għal xogħlhom, u qed jistinka biex Youtubers Maltin jitħallsu għall-materjal li jiġġeneraw.

Fejn tidħol l-edukazzjoni, wara laqgħat estensivi ma’ diversi stakeholders, Zammit Dimech sejjaħ għall-immodernizzar tas-sistema edukattiva b’numru ta’ proposti – fosthom l-introduzzjoni ta’ elementi viżwali fil-kurrikulu, b’twemmin sħiħ li hu essenzjali li s-soċjeta’ tirkeb fuq l-avvanzi u t-tibdiliet li qed iseħħu fis-seklu 21. L-MEP Malti mexxa wkoll ‘il quddiem ħidma biex lingwi żgħar, bħall-Malti, jkunu disponibbli aktar fuq pjattaformi u sistemi online. Hu ressaq numru ta’ emendi f’rapport dwar l-isfidi li jiffaċċjaw il-lingwi f’din l-era diġitali. Zammit Dimech ħadem ukoll biex introduċa European Dyslexia Charter, li tolqot diversi aspetti mill-perspettiva kemm tal-edukaturi kif ukoll tal-ġenituri u l-istudenti. 

 L-‘MEP Awards’ jirrikonoxxu l-ħidma sfieqa ta’ membri tal-Parlament Ewropew filwaqt li jiċċelebraw il-kisbiet tagħhom f’diversi setturi. Dawn ir-rikonoxximenti kienu bdew bl-iskop li jagħtu rikonoxximent lil deputati li jkunu kkontribwew sostanzjalment permezz tal-attivitajiet Parlamentari tagħhom. Iċ-ċeremonja tal-għoti tal-premijiet se ssir fl-20 ta’ Marzu. Waqt iċ-ċeremonja, MEP wieħed minn tlieta li ġew shortlisted għall-Premju fil-qasam tal-Kultura, l-Edukazzjoni u l-Media, se jirċievu l-premju.

L-MEP Francis Zammit Dimech se jkun qed jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju 2019.

More in Politika