Il-kandidati għall-Parlament Ewropew jistgħu jirriklamaw fuq l-istazzjonijiet tar-radju

L-Awtorità tax-Xandir se tkun qed tħaddem din l-iskema bi prova għax-xahar ta' Frar

L-Awtorità tax-Xandir qed tawtorizza lill-istazzjonijiet tar-radju biex jagħtu spazju lill-kandidati għall-Parlament Ewropew li jkunu jixtiequ jirriklamaw, bi ħlas, laqgħat ta’ informazzjoni  li jkunu ser itellgħu jew jorganizzaw. 

Fi stqarrija, l-Awtorità tax-Xandir qalet li qed tagħmel dan bis-saħħa ta’ Paragrafu 1 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, bil-għan li l-kandidati kollha ikollhom aktar opportunitajiet biex jikkomunikaw il-messaġġ tagħhom lill-elettorat.

Din l-iskema tibda bi prova mill-1 ta’ Frar 2019 u tispiċċa fit-28 ta’ Frar.  Wara tmiem l-ewwel xahar l-Awtorità se tkun qed tikkunsidra t-tiġdid tal-iskema skont il-każ.

Din l-iskema se tkun qed titħaddem b’ċerti kundizzjonijiet ta’ garanzija u trasparenza li ġew ikkomunikati bħala Direttiva lill-istazzjonijiet tar-radju nazzjonali kollha.

Dawk il-kandidati interessati, għandhom jikkomunikaw direttament ma’ l-istazzjon jew stazzjonijiet fejn jixtiequ jippromwovu l-l-laqgħat ta’ informazzjoni tagħhom. Id-dettalji ta’ l-iskema huma wkoll disponibbli pubblikament fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tax-Xandir.

More in Politika