Illum hawn 6,000 persuna inqas bla xogħol mill-2013 - Il-Gvern

'Mill-bidla fil-Gvern, bħala medja, kull jumejn ħames persuni li kienu qiegħda sabu xogħol'

"F’Diċembru li għadda, in-numru ta’ persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad kien 1,765, jiġifieri l-inqas livell mindu bdew jinġabru dawn il-figuri fis-snin sittin." Hekk sostna l-Gvern fi stqarrija dwar il-qgħad skont l-aħħar ċifri. 

 Imqabbel ma’ sena ilu, l-qgħad naqas b’402 persuna, filwaqt li meta mqabbel ma’ Marzu 2013 in-numru ta’ nies jirreġistraw huwa 5,585 inqas. Dan ifisser li n-numru ta’ dawk jirreġistraw huwa inqas minn kwart dak li kien fi żmien il-bidla fil-gvern fl-2013.

"Mill-bidla fil-Gvern, bħala medja, kull jumejn ħames persuni li kienu qiegħda sabu xogħol. B’kuntrast, matul il-ħames snin tal-gvern preċedenti, bħala medja, kull jumejn persuna iktar kienet tispiċċa tirreġistra," sostniet l-istess stqarrija. 

It-tnaqqis qawwi fil-qgħad qed jinħass l-aktar fost iż-żgħażagħ. F’din l-eta kien hemm tnaqqis ta’ 1,050 persuna qiegħda mill-bidla fil-gvern fl-2013. Miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ sa issa naqqset in-numru ta’ żgħażagħ jirreġistraw b’84%.

"Mill-bidla fl-amministrazzjoni kien hemm ukoll tnaqqis ta’ 2,105 persuna f’dawk qiegħda ta’ età ta’ 45 sena jew aktar. Dan ifisser li, għal kull għaxar persuni ta’ din l-età li kienu qiegħda fl-2013, illum hemm tlieta."

More in Politika