Is-sidien tal-pompi tal-petrol mistennija jiddeċiedu llejla dwar azzjoni industrijali

Dan hekk kif diversi laqgħat mal-Gvern, fuq fondi li jridu biex jaġġornaw it-tagħmir tagħhom skont liġijiet tal-UE, ma ħallew l-ebda frott

Illejla l-GRTU mistennija tlaqqa’ lill-operaturi tal-pompi tal-petrol fejn mistennija tittieħed deċiżjoni dwar jekk hux se tittieħed azzjoni industrijali wara li taħdidiet mal-Gvern baqgħu ma ħallew l-ebda frott.

Diversi rapporti qed jisħqu li l-laqgħa mistennija ssir illejla fejn saħansitra se jkun qed jittieħed vot dwar x’tip ta’ azzjoni tista’ tittieħed.

Nhar il-Ħamis li għadda, il-GRTU qalet li lesta biex tordna strajk jekk jibqa’ ma jintlaħaqx qbil u dan hekk kif laqgħa li saret nhar il-Erbgħa, mal-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi, ma ħalliet l-ebda frott.

Il-kwistjoni hija dwar €21 miljun li huma meħtieġa biex il-pompi tal-pertol f’Malta u Għawdex jkunu jistgħu jkunu konformi mad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea għall-2020.

Minn studji li wettqet il-GRTU fl-2014, jirriżulta li 80 minn 90 pompa tal-petrol għandhom bżonn ibiddlu t-tagħmir kollha tagħhom, inkluż il-tankijiet tal-ħażna, biex ikunu konformi mad-Direttiva.

Il-GRTU qed titlob lill-Gvern biex jagħti l-appoġġ tiegħu lis-sidien, bit-taħdidiet dwar dan ilhom għaddejja mill-2014.

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU, Abigail Mamo, qalet li l-maġġoranza tal-membri tagħha jaqblu li tittieħed xi forma ta’ azzjoni industrijali.

More in Politika