'Hawn min m'għandux saqaf fuq rasu u l-Gvern se jagħti art pubblika bi prezz baxx lill-privat'

Il-laqgħa dwar dan it-trasferiment ta' art lill-Grupp Corinthia se ssir nhar it-Tnejn 4 ta' Frar li ġej

Fi stqarrija illum il-Partit Nazzjonalista sostna li "filwaqt li hawn min m'għandux saqaf fuq rasu, min qed jistinka biex jixtri dar u ma jistax, min qed jissellef għal dar u l-bank ma jsellfux u min irid jikri fejn jgħix u ma jistax bil-kirjiet għoljin, il-Gvern iddeċieda li jagħti art pubblika bi prezz baxx lill-privat biex isir spekulazzjoni u gwadann mill-bini," saħaq il-PN.

Wara pressjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-PN kontra dan il-ftehim, il-membri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ġew infurmati li l-laqgħa li kellha ssir ilbieraħ dwar dan it-trasferiment ta' art lill-Grupp Corinthia issa se ssir nhar it-Tnejn 4 ta' Frar li ġej.

L-Oppożizzjoni diġà iddikjarat li kienet se tivvota kontra l-proposta tal-Gvern f'dan il-Kumitat, li tfisser li riedet issir bilfors diskussjoni f'laqgħa plenarja tal-Parlament. 

"Waqt il-jiem tal-Milied u f'ġurnata waħda biss, il-Gvern ried li l-Parlament japprova bl-akbar għaġla l-bejgħ ta' art pubblika f'żona strateġika f'Malta lill-Grupp Corinthia. Il-Gvern ried jagħmel dan bl-akbar arroganza u mingħajr il-ħruġ ta' tender, u ried jgħaddi art li kienet b'ċens għal skop ta' turiżmu għal skopijiet ta' spekulazzjoni u bini," sostna il-PN. 

Żied jgħid li, "il-Ministru Konrad Mizzi, li huwa responsabbli minn dan il-ftehim, ried li art li tiswa €800 miljun tingħata għal €51 miljun biss. Konrad Mizzi għal darb'oħra reġa' nnegozja ħażin u mhux qed iġib valur tajjeb għal din l-art li hija tal-poplu Malti. Dan b'detriment ukoll għall-iżviluppaturi li jissellfu u jieħdu riskji kbar biex jinvestu f'pajjiżna."

Il-PN saħaq li, "mhux aċċettabbli li art pubblika għal skopijiet turistiċi tinbiegħ għal skopijiet ta' bini mingħajr ma jingħata l-valur tagħha lill-poplu Malti u Għawdxi. Għalhekk l-Oppożizzjoni se taċċerta li din l-art tal-poplu ma tingħatax bix-xejn lil ftit magħżula."

Intant fi stqarrija separata, il-Partit Laburista qal li "jekk hemm partit politiku li mhux kredibbli li jitkellem fuq il-valur tal-art pubblika huwa l-Partit Nazzjonalista. Sal-ġimgħa l-oħra stess il-Qorti kkonfermat li d-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi huwa responsabbli mill-iskandlu Löwenbräu fejn il-poplu mar ħażin b’deal fuq art pubblika f’Ħal Qormi."

Il-PL żied jgħid kif, bħalma mar ħażin fil-każ tal-Fekruna b’uffiċjali tal-gvern jikkonfermaw sa din il-ġimgħa stess fil-kumitat għall-kontijiet pubbliċi r-responsabbiltà ta Jason Azzopardi li kien jgħamel pressjoni fuq dan il-każ."

Skont il-PL, "Adrian Delia għandu jsib skuża oħra biex jiddevja mill-kriżi li jinsab fiha hu. Jew jekk tal-inqas irid ikun kredibbli jibda billi jneħħi lil Jason Azzopardi qabel jitkellem fuq dan is-suġġett.Minn naħa l-oħra l-gvern għandu jibqa’ jikkonsulta kemm hemm bżonn u joqgħod fuq il-parir tal-esperti fil-każ imsemmi u fi ftehimiet li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni. Għax hekk titlob il-kontabbiltà u mhux kif kien jagħmel il-gvern nazzjonalista," saħaq il-PL

More in Politika