Żagħżugħ ieħor jitressaq il-Qorti mixli bi traffikar ta’ droga wara r-rejd fil-Marsa

 Ir-rejd sar nhar il-Ħadd li għadd fi Triq it-Tiġrija ġewwa l-Marsa

Żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Marsa tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit mixli bi traffikar ta’ droga. 

Hu kien ġie arrestat mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, nhar il-Ħadd li għadda wara rejd li kien sar fil-Marsa. 

Żagħżugħ ieħor mill-Ħamrun diġà tressaq il-Qorti din il-ġimgħa fuq akkużi simili.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca spjega kif fit-13 ta’ Jannar li għadda u anke matul ix-xhur ta’ qabel, iż-żagħżugħ forna d-droga kokaina, eroina u anke biegħ jew ittraffika l-pjanta kannabis.

 Ir-rejd kien sar fil-lejl tal-Ħadd li għadda fi Triq it-Tiġrija ġewwa l-Marsa.

Huwa ġie mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina f’ċirkostanzi li juri li din ma kienitx għal użu esklussiv tiegħu filwaqt li kien mixli wkoll li naqas milli jħares xi waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati. Taħt dan id-digriet huwa kien ingħata l-ħelsien minn l-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jikkommettix reat ieħor u li jiffirma ġewwa l-għassa tal-Marsa. 

Iż-żagħżugħ li għalih deher l-Avukat Alfred Abela baqa’ miżmum fil-Faċilità’ Korrettiva ta’ Kordin.

More in Politika