Il-GRTU tagħti ultimatum lill-Gvern dwar il-pompi tal-petrol

Il-GRTU ilha snin għaddejja b'taħdidiet mal-Gvern biex sidien tal-pompi tal-petrol jingħataw għajnuna finanzjarja biex ibiddlu t-tagħmir tagħhom skont Direttiva tal-UE

Il-GRTU lesta biex tordna strajk tal-pompi tal-petrol l-ġimgħa d-dieħla jekk jibqa’ ma jintlaħaqx qbil sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla.

Jidher li laqgħa li l-GRTU kellha mal-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi ma tantx marret tajjeb hekk kif immedjatament wara l-GRTU ħarġet stqarrija li fiha tat ultimatum lill-Gvern u li lesta ssejjaħ laqgħa ġenerali għall-membri tagħha.

“Il-GRTU se tistenna sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla. Jekk ma jintlaħaqx ftehim sa dak iż-żmien, se tkun qed issejjaħ laqgħa ġenerali għall-membri tagħha.”

Il-kwistjoni hija dwar €21 miljun li huma meħtieġa biex il-pompi tal-pertol f’Malta u Għawdex jkunu jistgħu jkunu konformi mad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea għall-2020.

Minn studji li wettqet il-GRTU fl-2014, jirriżulta li 80 minn 90 pompa tal-petrol għandhom bżonn ibiddlu t-tagħmir kollha tagħhom, inkluż il-tankijiet tal-ħażna, biex ikunu konformi mad-Direttiva.

Il-GRTU qed titlob lill-Gvern biex jagħti l-appoġġ tiegħu lis-sidien, bit-taħdidiet dwar dan ilhom għaddejja mill-2014.

Dan l-istudju kien ġie wkoll ippreżentat lill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi.

More in Politika