Rekord ta’ aktar minn 3 miljun kontejner jgħaddu mill-Freeport fl-2018

Din il-ġimgħa biss daħlu aktar minn 8,000 kontejner fuq bastiment wieħed

Il-Malta Freeport Terminals immaniġġjat rekord ta’ 3.31 miljun kontejner fl-2018 u din is-sena se tkompli bi programm ambizzjuż ta’ investiment fit-tagħmir u l-faċilitajiet fi sforz ikkoordinat biex iżżid il-kapaċità tat-Terminals għal erba’ miljun kontejner.

Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Terminals Alex Montebello saħaq li dan ir-rekord seħħ bis-saħħa tal-investimenti li saru u anke għad-dedikazzjoni tal-ħaddiema.

“Aħna kollha determinati li nieħdu l-Freeport fil-livell li jmiss u ntejbu r-reputazzjoni tiegħu bħala wieħed miċ-ċentri tat-trasbord tar-reġjun ewlenin,” saħaq Montebello.

Tul is-sena li għaddiet, aktar minn 2,200 bastiment waslu l-Freeport. F’din il-ġimgħa biss, fil-Freeport daħlu aktar minn 8,000 kontejner TEU fuq bastiment wieħed, li juri l-kapaċitajiet operattivi impressjonanti tiegħu.

Ħames krejnijiet super post-Panamax Quayside tpoġġew fuq l-APL Changi, twil 398 metru, li nbena fl-2013 minn Hyundai Samho Heavy Industries u jġorr fih 17,292 kontejner TEU, biex il-ħaddiema setgħu jwettqu dan ix-xogħol.

More in Politika