‘Busuttil għamel biss allegazzjonijiet u semma persuni mingħajr ma indika l-fatti bid-dettall'

Il-ġimgħa li għaddiet ħareġ digriet mill-Qorti li qajjem diskussjoni mill-ġdid dwar il-Panama. X’qal il-Maġistrat eżatt? U għalfejn ma jħossx li għandha tkun investigata l-kwistjoni tal-Panama? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn 27 paġna ta’ digriet...

Il-ġimgħa li għaddiet kien ippubblikat id-digriet finali tal-Imħallef Giovanni Grixti, digriet illi fil-qosor iddeċieda li ma kienx hemm biżżejjed raġunijiet u bażi legali biex tibda investigazzjoni fuq il-kwistjoni tal-Panama Papers u allura żewġ kumpaniji fil-Panama li kienu fetħu l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Lanqas kienu laħqu ħarġu l-ewwel dettalji tad-digriet li ma bdewx ir-reazzjonijiet. L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li fetaħ ir-rikors kontra numru ta’ nies inkluż il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din id-deċiżjoni ma tistax titwemmen u staqsa fejn ser issir ġustizzja, jekk mhux f’pajjiżna. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi qal illi d-deċiżjoni tal-Qorti kkonfermat l-istejjer dwar il-Panama bħala ‘spekulazzjoni’.

Imma x’jgħid eżatt id-digiret? Veru li l-Ministru Mizzi huwa skolpit minn kull akkuża li seta’ kien hemm fil-konfront tiegħu? U kif kienet skjaċċanti d-deċiżjoni fil-konfront ta’ Simon Busuttil?

Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn id-deċiżjoni tal-Imħallef Grixti u permezz ta’ ‘Mistoqsija u Tweġiba’ qed twassal il-fatti miktubin iswed fuq l-abjad lill-qarrejja tagħha.

X’inhu l-għan tad-digriet?

Id-digriet ta ħarsa lejn “lista żgħira minn ammont kbir ħafna ta’ emails ippubblikati mill-International Consortium of Investigative Journalists (ICIJ). Dawn mhumiex qed ikunu investigati f’Inkjesta Maġisterjali oħra.

Għalfejn Busuttil ried ir-rekuża tal-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi?

Forsi tiftakru l-kwistjoni kollha li tirrelata lil dan l-Imħallef. L-eks Kap tal-PN kien talab għar-rekuża tiegħu, jiġifieri li dan ma jkunx l-Imħallef li jisma’ dan il-każ partikolari. Busuttil sostna illi hemm kunflitt ta’ interess fil-fatt illi Antonio Mizzi huwa r-raġel tal-MEP Laburista Marlene Mizzi.

Fid-29 ta’ Ottubru iżda l-Qorti Kostituzzjonali kienet ħassret id-deċiżjoni tal-Prim’Awla u allura dik li kienet laqgħet tlieta mis-sitt talbiet ta’ Busuttil. Dawn huma; li l-preżenza ta’ Mizzi bħala mħallef f’dan il-każ kien qed jimpedixxi fuq id-dritt tiegħu ta’ smigħ xieraq, li titħassar kull sentenza ta’ Mizzi f’dan ir-rigward u li finalment dan il-każ jinstema’ quddiem ġudikant ieħor.

X’ġara bejn is-26 u s-27 ta’ Lulju 2017?

Nhar is-26 ta’ Lulju 2017 il-Maġistrat inkwirenti kkonkluda li l-prerekwiżiti kollha biex issir investigazzjoni fil-każ tal-Panama kienu qegħdin hemm.

Kellu għalhekk jintagħżel maġistrat bil-polza biex ikun hu li jinvestiga l-akkużi u l-implikazzjonijiet f’dan il-każ (ara kaxxa).

L-għada iżda, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi, Keith Schembri, Brian Tonna u Karl Cini, Malcolm Scerri u Adrian Hillman fetħu rikors quddiem il-Qorti sabiex tkun miċħuda t-talba ta’ Busuttil għal inkjesta maġisterjali.

Dan ir-rikors kien milqugħ din il-ġimgħa.

U l-Avukat Ġenerali x’għandu x’jaqsam?

Fi ftit kliem id-digriet sostna illi l-Avukat Ġenerali m’għandu x’jaqsam assolutament xejn. Artikli fil-Kodiċi Kriminali jgħidu illi meta jsir rapport jew kwerela minn xi ħadd, minn xi persuna mhux l-Avukat Ġenerali/uffiċjal tal-pulizija, għadhom ikunu notifikati s-suspettati. L-Avukat Ġenerali ma jissemmix bħala persuna li għandha tkun notifikata u l-Imħallef Grixti jgħid illi dan kien korrett meta ma esprimiex l-opinjoni tiegħu, sabiex b’hekk jippreserva u ma jippreġudikax id-doveri tiegħu f’każ li jkun mitlub jagħżel jekk għandhomx jibdew proċeduri kriminali jew le kontra waħda mill-persuni msemmijin fil-każ.

Raġuni 1 –Muscat et al mhux notifikati

Issa ejja nibdew inħarsu lejn ir-raġunijiet għalfejn l-Imħallef iddeċieda kontra investigazzjoni fuq il-każ.

L-ewwel nett Busuttil talab, permezz ta’ rikors ieħor, li jirrispondi għal dak li qalu Muscat et al fil-Qorti. Il-Qorti fil-fatt tat lil Busuttil dan id-dritt li annetta xi dokumenti wkoll mar-risposta tiegħu.

Muscat, Mizzi, Schembri u l-oħrajn ilmentaw illi huma ma kinux infurmati dwar ir-risposta ta’ Busuttil u lanqas id-dokumenti li hu ppreżenta u allura li ma ngħatawx iċ-ċans li jirrispondu għalihom.

Id-deċiżjoni tal-Qorti ta’ din il-ġimgħa qalet li Muscat et al “ma ngħatawx l-opportunità li jkunu mgħarrfa u mogħtija d-dritt li jagħmlu osservazzjonijiet dwar dak mhux biss osservat minn Busuttil iżda wkoll dwar id-dokumenti minnu esbiti.”

Iċ-Chief of Staff f’Kastilja ġab eżempju. Osserva li l-Kap tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew Werner Langen kien ikkwotat jgħid li dak tal-Panama kien “a textbook case of moneylaundering” jiġifieri każ tipiku ta’ ħasil ta’ flus. Schembri jgħid iżda li Langen fil-fatt qal li “mhux ċar  fil-mument, imma jidher qisu każ ta’ ħasil ta’ flus... irridu noqogħdu attenti qabel naslu għall-konklużjonijiet dwar dak li verament tfisser.”

Raġuni 2 – Busuttil ressaq rikors ‘ma kienx validu’

It-tieni raġuni għalfejn ir-rikors ta’ Busuttil ma kienx aċċettat huwa għaliex, fi kliem sempliċi, ‘ma kienx validu’.

Is-sentenza tal-Qorti tfakkar illi rapport, denunzja jew kwerela jridu jkunu dwar reat 1) li għalih tista’ tingħata piena ta’ priġunerija għal iżjed minn tliet snin, 2) li s-suġġett materjali tar-reat ikun għadu jeżisti, 3) li dwaru jkun hemm id-dettalji kollha wieħed, wieħed, 4) jissemma l-instrument (f’dan il-każ il-kumpaniji fil-Panama) u l-mod li dan seta’ jġib l-effett (f’dan il-każ il-ħasil ta’ flus) u 5) tissemma b’mod ċar il-persuna li għamlet reat.

Id-deċiżjoni tal-Qorti dwar dan il-punt huwa ċar; “Simon Busuttil għamel biss allegazzjonijiet u semma persuni mingħajr ma indika bid-dettall il-fatti,” sostna l-Imħallef li kompla jgħid ukoll illi Busuttil lanqas identifika r-rabta mal-persuni msemmija minnu.

Aktar minn hekk iżda d-digriet jgħid ukoll hekk; “huwa immedjatament evidenti illi fl-ebda ħin Simon Busuttil ma allega b’mod ċar illi l-fatti rakkontati minnu jammontaw għal ħasil ta’ flus.” Ikompli jgħid ukoll li “fil-kuntest partikolari ta’ dan il-każ (Simon Busuttil) irid jgħid min mill-persuni kollha li semma huwa involut u kif. Ir-rikorrent (Simon Busuttil) donnu ma jridx jassumi din ir-responsabilità...”

‘Mhux ġust...’

F’parti tad-deċiżjoni tal-Qorti li hija pjuttost skjaċċanti fil-konfront ta’ Busuttil l-Imħallef jinsisti li mhuwiex ġust li Busuttil għamel lista ta’ avvenimenti jew okkażjonijiet li minn għajnejh jiffurmaw nisġa ta’ reat jew attentat ta’ reat biex imbagħad jiddeċiedi l-Maġistrat jekk kienx hemm att jew attentat ta’ reat.

Il-Maġistrat qabad uħud mill-affarijiet li ntqalu fir-rikors u staqsa kif dawn qed juru jew jindikaw li sar l-att tal-ħasil tal-flus. Grixti rrimarka kif Busuttil semma ż-żjara tal-PM fl-Ażerbajġan mingħajr midja u r-riżenji tal-eks Kumissarju Michael Cassar kif ukoll tal-eks Kap tal-FIAU Manfred Galdes u staqsa kif dawn juru li twettaq ir-reat ta’ ħasil ta’ flus.

U għaliex mhIx valida l-prova mill-Mossack Fonseca?

Interessanti kif id-dokumenti li kienu ‘leaked’ minn Mossack Fonseca u li juru illi Konrad Mizzi u Keith Schembri  kellhom kumpanija fil-Panama ma jistgħux ikunu miżmuma, meqjusin u preżervati bħala xhieda. Dan minħabba li l-‘leak’ tal-informazzjoni minn  Mossack Fonseca (il-kumpanija li fetħet għexieren ta’ kumpaniji fil-Panama) hija minnha nnifisha illegali.

Imma Hearnville u Tillgate kienu miftuħin għall-iskop ta’ ħasil ta’ flus jew le?

Din l-allegazzjoni li saret bosta drabi speċjalment fid-dawl ta’ informazzjoni dwar il-kumpanija 17 Black, ma kinitx sostanzjata fil-Qorti. Fi kliem ieħor anke jekk kien hemm flus deħlin f’Hearnville (ta’ Konrad Mizzi) u Tillgate (ta’ Keith Schembri) minn 17 Black, mhuwiex pruvat li dawn il-kumpaniji se jintużaw biex jaħslu tali flus.

Il-Qorti qalet illi, “jekk imbagħad dawn it-trusts intużawx mill-benefiċċjarji tagħhom biex jaħslu l-flus jew isir attentat ta’ ħasil ta’ flus mhux indikata minn Busuttil.” Il-Qorti sostniet illi Busuttil kellu jgħid “ċar u tond” jekk hux qed jagħmel l-akkuża li t-trusts saru biex jinħaslu l-flus.

“Bżonn l-elementi kollha biex jiskatta l-mekkaniżmu ġudizzjarju”

Intant l-Imħallef temm bi stqarrija pjuttost interessanti. Huwa qal hekk; “li persuna jkollha suspett li seħħ xi reat huwa dritt fundamentali ta’ kulħadd, iżda sabiex b’dak is-suspett jiskatta mekkaniżmu ġudizzjarju jeħtieġ li jkunu preżenti mhux biss l-elementi kollha kif tesiġi l-liġi u kif eżaminati fil-kunsiderazzjonijiet magħmula fid-digriet (ara iktar ’il fuq) iżda wkoll li l-eventwali tista’ ssir...”

Ritratt ta' James Bianchi
Ritratt ta' James Bianchi

U Simon x’qal eżatt fl-akkużi?

  • Ifakkar illi Karl Cini (ta’ Nexia BT) bagħat lil Mossack Fonseca biex jgħid li d-dettalji dwar il-kumpanija Egrant se jingħataw fuq Skype. Ifakkar kif Cini ried li l-ismijiet ta’ Schembri, Mizzi u Adrian Hillman jinħbew taħt l-ismijiet ta’ ‘nominee shareholders’. Ifakkar ukoll kif fl-istess ġimgħa Nexia BT irreġistrat ukoll il-kumpanija Torbridge fil-British Virgin Islands.
  • Busuttil fakkar illi fl-applikazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji kienu mmarkati l-kaxxi ‘no audit’ u ‘total secrecy and confidentiality’.
  • Fi Frar 2014 Torbridge tgħaddi għand Cheng Chen, uffiċjal fix-Shangai Electric Power li qed tmexxi l-Enemalta.
  • Busuttil fakkar lill-Qorti li l-PM mar l-Ażerbajġan darbtejn u fid-darbtejn li huma ma kienx akkumpanjat mill-midja jew minn uffiċjali taċ-ċivil.
  • Busuttil jallega illi Konrad Mizzi ffirma stqarrija illi tgħid li Hearnville se tibda tieħu flus minn senseriji u konsulenzi.
  • Email ta’ Karl Cini lil Mossack Fonseca tispjega li Hearnville u Tillgate se jirċievu flus minn riċiklaġġ u ‘remote-gaming’.
  • Isemmi ritratti li juru numru kbir ta’ karti ħerġin mill-uffiċini tal-kumpanija ta’ Schembri. Busuttil isemmi r-riżenja tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar u ta’ Manfred Galdes, l-eks Kap tal-FIAU u li Mizzi ma żvelax il-kumpanija li kellu fil-Panama mill-ewwel f’intervista li kien ta lill-mezzi tax-xandir qabel ma kienet żvelata minn Daphne Caruana Galizia.

More in Politika