L-MFA twaqqa’ l-każ tal-eks referì Malti mixli b’tixħim

Il-każ kien imur lura għall-finali tal-FA Trophy ta’ tliet snin ilu

Din il-gazzetta tinsab infurmata li ġiet fi tmiemha l-investigazzjoni fil-konfront tal-eks FIFA referì Malti mixli b’akkużi ta’ tixħim, bl-eżitu tal-investigazzjoni interna mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta' Malta (MFA) jillibera lil dan ir-referì veteran mill-akkużi ta’ tixħim. Sorsi qrib sew l-investigazzjoni spjegaw mal-ILLUM kif fl-investigazzjoni naqsu milli jagħtu x-xhieda tagħhom individwi ewlenin fil-każ. Fosthom, assenti kien hemm ix-xhieda ta’ uffiċjal ewlieni minn wieħed mill-klabbs tal-logħba wara dawn l-allegazzjonijiet. B’hekk l-akkużi u l-investigazzjoni sfaxxaw fix-xejn minħabba nuqqas ta’ evidenza.

Kif konna ktibna fir-rapporti oriġinarju, allegatament il-każ inkwistjoni jmur lura għall-finali tal-F.A Trophy ta’ tliet snin ilu. Jidher li dak iż-żmien, iż-żewġ Presidenti tat-timijiet finalisti f’din il-kompetizzjoni kienu avviċinaw lill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo u infurmawh illi kien diġà magħruf min se jkun ir-referì għall-finali tal-FA Trophy minkejja li suppost informazzjoni sensittiva bħal din ma toħroġx fil-pubbliku jekk mhux fl-aħħar jiem qabel il-logħba.

‘Leak’ bħal din hi meqjusa bħala bandiera ħamra kbira u tista’ tqajjem suspett ta’ tixħim. Minkejja dan, dak iż-żmien ma ttiħdux passi ulterjuri, bl-investigazzjoni terġa’ tinfetaħ propju fl-aħħar xhur tas-sena 2018 fid-dawl ta’ allegat ‘informazzjoni ġdida.’

Matul l-investigazzjoni, l-ILLUM kienet żvelat ukoll kif  l-Federazzjoni Ewropea tal-Futbol, l-(UEFA), ma rċeviet l-ebda notifika mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Malta (MFA) dwar l-investigazzjoni attwali fil-konfront tal-eks FIFA referì Malti, li huwa wkoll UEFA observer, mixli b’allegat tixħim.

Apparti l-akkużi ta’ tixħim, dan ir-referì li huwa referì osservatur tal-logħba, kien ukoll qiegħed jiffaċċja akkużi oħra ta’ bullying fuq referis oħra. L-MFA kienet fetħet investigazzjoni separata wara li r-referì ħassu vendikat meta kienet ġiet assenjata marka baxxa lilu mill-istess referì. Fuq din l-akkuża, l-eks FIFA referì ngħata sospensjoni. Madankollu, ir-referì li rrapportah ingħata sospensjoni wkoll, dan talli affronta lill-istess referì osservatur tal-logħba u kellmu fuq il-marka allegatament ‘vendikattiva’ li kien ġiet assenjata lilu.

Iż-żewġ sospensjonijiet skadew fil-Milied b’hekk it-tnejn se jkunu qed jirritornaw fis-sena 2019.

‘Ħafna referìs frustrati li jinsab lura fosthom’

Intant uffiċjal qrib sew l-MFA saħaq mal-ILLUM li, “ir-referì ma jistax iqis ruħu aktar bħala bniedem kredibbli mhux biss minħabba l-allegazzjonijiet li sirna nafu rigward tixħim u li ġie illiberat minnhom biss minħabba nuqqas ta’ evidenza, iżda wara li dan tal-aħħar applika metodi negattivi ta’ bullying lejn referis u eks sħabu stess.

Apparti minn hekk referì  li għażel li jitkellem magħna fuq bażi ta’ anonimità spjega kif id-deċiżjoni li dan l-eks FIFA referì  jirritorna fl-irwol tiegħu urtat lilu u lil sħabu r-referis. “Ħafna minna ninsabu frustrati li hu jinsab lura fostna. Dan hu bniedem ‘bully’.” L-istess referì żied jgħid kif, “ma jistgħux jemmnu kif il-persuna li kellha l-kuraġġ tikxef lil dan ir-referì u t-tatiċi tal-bullying tiegħu ngħatat l-istess piena daqs il-persuna li kkaġuna l-bullying.”

More in Politika