‘Reklamazzjoni tal-art jista’ jkollha effetti diżastrużi’

Fid-dawl tad-diskussjoni dwar ir-reklamazzjoni tal-art, il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Andrè Callus mill-Moviment Graffitti. X’jaħsbu dwar ir-reklamazzjoni tal-art? Xi jħassibhom l-aktar?

Ir-raġunament li “qridna l-art, mela issa jmiss il-baħar” huwa wieħed perikoluż u jista’ jkollu effetti tal-waħx. Hekk qal mal-gazzetta ILLUM, Andrè Callus f’isem il-Moviment Graffitti, meta mistoqsi x’jaħseb dwar il-prospett tar-reklamazzjoni tal-art.

Fl-aħħar jiem smajna ħafna dwar ir-reklamazzjoni tal-art, jiġifieri l-ħolqien ta’ art ġdida fuq il-baħar, li qed tkun ikkunsidrata bħala waħda mis-soluzzjonijiet għan-nuqqas ta’ spazju li fadal biex jintrema l-iskart tal-kostruzzjoni.

Lura fl-2013, il-Gvern kien ħatar bord għall-evalwazzjoni tal-proposti għar-reklamazzjoni tal-art, iżda fl-aħħar snin ftit issemma dwarha, sakemm jiem ilu, il-Ministru għall-Ambjent José Herrera ddikjara li r-reklamazzjoni tal-art hija bżonn u “żgur trid issir.”

Intant, waqt attività politika nhar il-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-iskart tal-kostruzzjoni li se jkun iġġenerat mill-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex jista’ jintuża għar-reklamazzjoni tal-art.

Huwa insista li din il-mina se tkun qed tiġġenera skart tal-kostruzzjoni daqs dak li jkun iġġenerat fi tliet snin u saħaq li dan ma għandux sempliċiment jintrema fil-baħar. “Din hija riżorsa u għandna nagħmlu użu minnha,” kompla Muscat.

Iżda jekk dan se jsir, fejn se nkabbru? Il-Prim Ministru semma Baħar iċ-Ċagħak bħala waħda miż-żoni l-aktar adwegwati, anke jekk semma diversi ostakli għal din iż-żona, fosthom minħabba posidonia, jew alka partikolari li jkun hemm fl-inħawi, liema posidonia hija protetta permezz ta’ liġijiet ambjentali Ewropej.

Bħal-lum ġimgħa, il-gazzetta oħt MaltaToday ippubblikat mappa li turi eżerċizzju li sar mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, li jidentifika l-kosta li testendi mix-Xgħajra sa Portomaso, f’San Ġiljan, bħala ideali għar-reklamazzjoni tal-art.

Il-mappa ppubblikata mill-MaltaToday li turi l-kosta meqjusa ideali għar-reklamazzjoni
Il-mappa ppubblikata mill-MaltaToday li turi l-kosta meqjusa ideali għar-reklamazzjoni

Madanakollu, id-Direttur tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Michelle Piccinino, qalet li l-Awtorità għadha għaddejja bl-ispezzjonijiet tagħha biex tidentifika l-aħjar post u li ma hemm l-ebda deċiżjoni konklussiva fuq is-sit partikolari.

Fil-fatt, f’intervista mal-MaltaToday, Piccinino saħqet li din il-mappa hija biss indikattiva u insistiet li għadha ma nstabet l-ebda żona.

Saħqet li filwaqt li l-kosta tan-Nofsinhar hija eskluża minħabba li qiegħ il-baħar mhux ideali għar-reklamazzjoni, iż-żoni kollha mal-kosta minn Marsaxlokk sat-Tramuntana ta’ Għawdex jistgħu jkunu ideali.

Kompliet tgħid li mill-mappa ppubblikata, hemm żoni oħra li ma jistgħu qatt ikunu magħżula għar-reklamazzjoni, inkluż iż-żoni viċin il-Port il-Kbir.

Fid-dawl ta’ dan, il-gazzetta ILLUM talbet ir-reazzjoni tal-Moviment Graffiti. X’jaħseb dan il-Moviment dwar ir-reklamazzjoni tal-art?

Mir-reklamazzjoni tal-art se jkunu qed jiggwadanjaw biss l-ispekulaturi

1. X'inhi l-pożizzjoni tal-Moviment Graffitti dwar ir-reklamazzjoni tal-art?

Huwa diffiċli li wieħed jikkummenta dwar ir-reklamazzjoni tal-art f’dan l-istadju. Dan għaliex għad m’hemm xejn tanġibbli f’termini ta’ x’tip ta’ reklamazzjoni se ssir u fejn. Iżda nemmnu li r-reklamazzjoni tal-art jista’ jkollha effetti negattivi ferm, anki diżastrużi, u ma hija se ssolvi xejn.

2. Jekk kontra, x'inhu l-akbar tħassib tal-Moviment Graffitti? Jekk favur, għalxiex?

Ir-reklamazzjoni tal-art tinvolvi l-qerda ta’ roqgħa kbira ta’ qiegħ il-baħar. Iżda l-effetti negattivi ma jiqfux biss mal-qerda ta’ din ir-roqgħa li fuqha ssir ir-reklamazzjoni tal-art. L-ekosistema hija katina li kif tmiss parti waħda minnha, taffettwa l-partijiet l-oħra kollha. Il-baħar huwa essenzjali f’ħajjitna, kemm fuq livell ekonomiku u soċjali, kif ukoll fuq dak ambjentali. Huwa fatt magħruf li bir-reklamazzjoni tal-art, il-kwalità tal-ilma tal-baħar tmur għall-agħar, u jiġu affettwati pjanti u annimali tal-baħar u tal-art fil-madwar. Dan jista’ jaffettwa negattivament anka lis-sajd.

Ir-reklamazzjoni tal-art jista’ jkollha wkoll impatt negattiv dirett ħafna fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna. Dan għaliex din taffettwa b’mod ħażin ix-xtut tal-madwar minħabba li tbiddel it-topografija tal-kosta. Hemm imbagħad il-kwistjoni tal-attività li se tkun qed issir fuq din l-art reklamata, li probabbli se tkun attività kummerċjali intensiva, b’impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies u fuq l-ambjent naturali tal-inħawi.

3. Taħseb li r-reklamazzjoni tal-art tista' ssolvi xi problemi jew inkella teskala oħrajn?

Ir-raġuni ewlenija li jġib min jgħid li r-reklamazzjoni tal-art hija meħtieġa hija li ma fadalx tant spazju fejn narmu l-iskart tal-industrija tal-kostruzzjoni. Fil-fatt, mir-reklamazzjoni tal-art se jkunu qed jiggwadanjaw biss l-ispekulaturi, għaliex se tagħtihom aktar spazju fejn jarmu l-iskart tagħhom, u toħloq post ieħor fejn ikunu jistgħu jagħmlu xi proġett ieħor li bih iħaxxnu bwiethom.

Andre Callus
Andre Callus

Aħna nemmnu li l-mudell sħiħ ekonomiku u ambjentali ta’ pajjiżna mhuwiex sostenibbli. Il-bini sfrenat u bl-addoċċ li qed isir mhux biss qed joħloq il-problema ta’ mijiet ta’ tunnellati ta’ skart, imma qed iwassal ukoll biex titgħarraq il-kwalità tal-ħajja tagħna, u jinqered b’rata mgħaġġla l-ambjent naturali ta’ pajjiżna. Pereżempju, wieħed mill-proġetti li, jekk isir, se jkun qed jiġġenera ammont eżorbitanti ta’ skart huwa dak tad-db Group fuq is-sit tal-ITS; proġett li, barra li se jiġġenera dan l-iskart kollu, se jkollu wkoll effetti devastanti fuq in-nies u l-ambjent.

Bir-reklamazzjoni tal-art mhu ħa nkunu qed insolvu xejn ħlief li nilludu ruħna, forsi għal xi ftit snin oħra, li l-kostruzzjoni tista’ tibqa’ għaddejja b’din ir-rata sfrenata ta’ bħalissa. Illum jew għada se nirrealizzaw li dan mhux il-każ, u li f’pajjiżna ma nistgħux nibqgħu nibnu kullimkien mingħajr ebda konsiderazzjoni għan-nies li jgħixu hemm u għall-ambjent naturali, u dan sabiex ikomplu jistgħanew ftit nies. Ir-riskju hu li meta nirrealizzaw dan, ikun tard wisq, għaliex inkunu ġa qridna kompletament lill-pajjiżna, u l-ħajja fuq dawn il-gżejjer tkun saret insostenibbli.

4. Il-Moviment Graffitti jara soluzzjonijet oħra minflok ir-reklamazzjoni tal-art?

Iva. Irridu nirrevedu radikalment il-mudell ekonomiku u ambjentali ta’ pajjiżna biex ikollna żvilupp li jagħmel sens u li jibbenifika minnu kulħadd u mhux biss il-ftit spekulaturi. Dan ikun ifisser li l-ftit art li għandna tibda tintuża b’mod aħjar u li jinħoloq inqas skart tal-kostruzzjoni. B’hekk, ma jkunx hawn bżonn ta’ reklamazzjoni tal-art. Ir-raġunament li “qridna l-art, mela issa jmiss il-baħar” huwa wieħed perikoluż u jista’ jkollu effetti tal-waħx.

More in Politika