Casa jwieġeb lil Gomes: ‘Delia mhu qed jimmina l-ebda investigazzjoni’

David Casa jirreaġixxi mal-gazzetta ILLUM wara li l-kollega tiegħu Ana Gomes fetħet il-kanuni kontra Adrian Delia u talbitu jirriżenja. Jisħaq li Kastilja hija s-sors ta’ kull xniegħa fuq kull min jazzarda jiqfilha

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, ma qagħadx idur mal-lewża meta ntalab mill-ILLUM biex jirreaġixxi għall-kummenti tal-kollega tiegħu, l-Ewroparlamentari Ana Gomes, li qalet lil din il-gazzetta li Adrian Delia għandu jirriżenja.

“Adrian Delia mhux qiegħed fil-poter biex jimmina xi investigazzjoni,” insista Casa għall-kuntrarju ta’ dak li qalet Gomes meta akkużat lill-Kap tal-Oppożizzjoni li jrid jibqa’ fil-kariga biex “ma jħallix lill-awtoritajiet jagħmlu investigazzjoni estensiva u kif suppost.”

Casa ħareġ għonqu għall-Kap Nazzjonalista u fakkar lil Gomes u lil kulħadd li “għal darba, darbtejn, (Delia) stieden lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jekk għandu xi mistoqsijiet x’jagħmillu, jista’ jmur u jagħmilhomlu.”

Mistoqsi jekk  jaqbilx mal-kummenti li għadda l-Kandidat Nazzjonalista Frank Psaila, meta qal li Ana Gomes waqgħet għall-“ispin ta’ Kastilja,” David Casa saħaq li Gomes għandha aċċess għal dak li jintqal fil-pubbliku u bħal kulħadd tasal għall-konklużjonijiet tagħha.

Madanakollu kompla jgħid li huwa żgur li Kastilja hija bla ebda dubju “l-instigatur ta’ kull xniegħa jew attakk fuq kwalunkwe persuni li jazzardaw jiqfulha.”

Għalfejn Gomes trid lil Delia jirreżenja?

Ana Gomes tkellmet esklussivament mal-gazzetta ILLUM wara li bħal-lum tliet ġimgħat, The Sunday Times żvelat kif il-Pulizija qed jinvestigaw l-allegat involviment tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’xibka ta’ prostituzzjoni f’Soho, wara rapport li rċevew mill-FIAU f’Marzu li għadda.

Kollox kien beda meta Daphne Caruana Galizia kienet allegat li żewġ aħwa Maltin, Eucharist u Emanuel Bajada kienu qed imexxu burdell f’Soho, Londra u l-flus li kienu qed jagħmlu mill-kirjiet ta’ appartamenti, Eucharist kien qed ipoġġihom f’kont f’Jersey li kien f’isem Adrian Delia.

Skont Daphne Caruana Galizia, il-kont kien miftuħ espliċitament għal għanijiet ta’ ħasil tal-flus.

X’kienet l-ewwel reazzjoni ta’ Casa għall-kummenti ta’ Gomes?

Mistoqsi x’kienet l-ewwel reazzjoni tiegħu għall-kundanna ta’ Ana Gomes u s-sejħa biex Delia jirriżenja, l-Ewroparlamentari reġa’ tefa’ l-ballun f’saqajn Kastilja u insista li kull meta “Joseph Muscat isib dahru mal-ħajt jara kif jagħmel biex jeqleb id-diskors minn dak li jkun qiegħed jiġri fuq il-klikka tiegħu f’Kastilja.”

Casa insista li kull min jikxef il-korruzzjoni tal-Gvern jew inkella jiġġieled “il-klikka ta’ Muscat,” qed jispiċċa fil-mira ta’ attakki kkordinati u bla bażi.

“Dan għamluh lili, għamluh lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u issa jmiss lill-Kap Adrian Delia,” saħaq Casa.

Iżda aktar minn hekk insista li l-aħbar li Delia qiegħed taħt skrutinju kienet aħbar li kienu ilhom jispekulaw fuqha f’Kastilja.

“Ma għandhiex dubju li sar dan kollu abbażi ta’ struzzjonijiet minn Kastilja stess. Huwa ovvju li l-għan ta’ Muscat huwa li jipprova jpoġġi lil Adrian Delia u lil sħabu Keith Schembri u Konrad Mizzi f’keffa waħda,” kompla David Casa. “Hemm differenza enormi. Lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi qabduhom jisirqu mill-poplu Malti u Għawdxi.”

Għalhekk, anke jekk mhux jgħidha espliċitament, Casa qed ikompli ma’ dak li qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, jiġifieri li l-aħbar li Adrian Delia qed ikun investigat “hija biss spin ta’ Kastilja,” u li allura, skont dan ir-raġunament, Gomes kienet qed tirreaġixxi għall-istess “spin.”

Gomes kienet qed tirrifletti t-tħassib tad-delegazzjoni li kienet tmexxi?

Ana Gomes kienet ukoll qed tmexxi delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, li fiha kien hemm David Casa u li ġiet Malta diversi drabi biex tinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u anke s-Saltna tad-Dritt. Kien għalhekk li l-ILLUM staqsiet lil Casa, jekk il-kummenti ta’ Gomes dwar Delia jirriflettux il-konklużjonijiet tal-istess delegazzjoni.                          

Casa kien skjett fit-tweġiba tiegħu u insista li l-aħħar delegazzjoni li kien parti minnha f’Ġunju li għadda ma ġietx Malta dwar l-allegazzjonijet fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni, imma ġiet tinvestiga dak li sejjaħlu bħala l-kollass tas-Saltna tad-Dritt f’Malta.

Iżda dan jikkuntrasta mat-tweġiba li l-gazzetta ILLUM kienet kisbet mill-Ewroparlamentari Sven Giegold, fi tmiem iż-żjara tad-delegazzjoni f’Malta. Dakinhar, Giegold kien ikkonferma li waqt il-laqgħa li kellhom ma’ delegazzjoni mill-Partit Nazzjonalista, huwa qajjem il-kwistjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia fuq Delia.

Giegold kien saħaq li meta jitkellem dwar Saltna tad-Dritt, ikun qed jirreferi għal kulħadd u għal kull partit politiku.

Madanakollu, David Casa dawwar l-attenzjoni fuq il-mument meta Ana Gomes qamet tipprotesta kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-Kungress tas-Soċjalisti f’Lisbona.

Fakkar li kull meta d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew żaret Malta dejjem ippubblikat it-tħassib tagħha dwar is-Saltna tad-Dritt f’Malta u l-problemi ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata li fi kliemi nħakmu bihom entitajiet, fosthom il-Korp tal-Pulizija.

“Dawn l-istess istituzzjonijiet issa qed jintużaw bħala armi kontra l-istess nies li huma suppost jipproteġu… sitwazzjoni diżgustanti u surreali,” kompla Casa. “Mhux ta’ b’xejn li Ana Gomes għajret lil Muscat korrott.”

‘Il-PN intiż li ssir ġustizzja ma’ min kiser il-liġi’

Biex ikompli jisħaq li “Delia mhu qed jimmina l-ebda investigazzjoni,” David Casa fakkar ukoll fil-mozzjoni mressqa mid-Deputat Chris Said sena ilu biex bord ta’ inkjesti, magħmul minn tliet imħallfin irtirati u approvat b’żewġ terzi tal-Parlament, jinvestiga l-imġiba ta’ uffiċjali u entitajiet pubbliċi u jkun stabbilit jekk dawn wettqux korruzzjoni jew abbuż ta’ poter.

Fost oħrajn, il-mozzjoni kienet issejjaħ biex jiġu investigati l-Korp tal-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-FIAU.

Casa fakkar li Delia kien qabel ma’ din il-mozzjoni li fi kliemu, il-Gvern Laburista kien “irrifjuta u waqqaf.”

Apparti minn hekk kompla jisħaq li kemm ilu fil-pożizzjoni tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia talab hu stess li jinfetħu investigazzjonijiet bħalma huma dawk dwar l-inkjesta indipendenti fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u anke talab inkjesta fuq il-kuntratt tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare.

“Dan l-aġir jispjega kulma hemm bżonn tifhem – li l-Partit Nazzjonalista, bil-Kap u d-Deputati kollha tiegħu, huma intiżi biex issir ġustizzja ma min kiser il-liġi,” saħaq Casa. “Għal Gvern li tant għajjat fuq Whistleblower Acts u l-eliminazzjoni tal-koruzzjoni, dan il-Gvern ikisser bl-iżjed mod viljakk lil kull min jazzarda jikxiflu xturu.”

More in Politika