Kirjiet | Min ma jrid l-ebda durata minima ta’ kuntratt u min irid ħafna aktar

Wara li l-ILLUM żvelat illi l-Gvern qed iħares lejn kuntratti ta’ kirjiet privati b’durata minima ta’ sena, il-gazzetta tistaqsi lil erba’ persuni fil-qofol tal-kwistjoni jekk jaħsbux li b’sena, il-Gvern laħaq kompromess tajjeb...

Il-kwistjoni tal-kirjiet privati issa ilha xi ftit mhux ħażin fuq l-aġenda. Ilha fuq l-aġenda fil-fatt minn meta saret il-proposta minn Yana Mintoff għall-kontrolli fil-kirjiet biex jikkalmaw xi ftit il-prezzijiet li fl-2015 kienu diġà qed jogħlew sew.

Wara l-ippubblikar tal-White Paper dwar il-kirjiet, nhar il-Ħadd li għadda din il-gazzetta żvelat kif il-Gvern qed iħares lejn durata minima ta’ kuntratti ta’ kirjiet privati ta’ sena u inċentivi għas-snin iktar li sid jibqa’ jikri dik il-proprjetà lill-istess persuna. Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM sostnew illi b’hekk il-Gvern ikun laħaq bilanċ bejn dawk li jridu durata twila biex l-inkwilini jingħataw is-serħan il-moħħ u dawk li ma jridu l-ebda durata minima u li jkun is-sid li jiddeċiedi għal kemm żmien irid jikri proprjetà.

Imma dan il-bilanċ se jkun tajjeb għal kulħadd? U se jkun apprezzat jew kulħadd se jibqa’ jżomm ma’ dak li jaħseb li hu l-aħjar hu? Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ xi persuni li għandhom il-kwistjoni tal-‘housing’ għal qalbhom jew inkella li jirrappreżentaw nies li huma involuti fis-settur, biex tara x’jaħsbu dwar kuntratti privati li jkunu b’durata minima ta’ sena. Issib illi fil-fatt dan il-bilanċ ma tantx jidher li se jikkuntenta nies fuq iż-żewġ naħat opposti tal-kwistjoni.

‘Aħjar mix-xejn, forsi l-ewwel pass...’

Yana Mintoff tgħid lil din il-gazzetta illi durata minima ta’ sena hija aħjar mix-xejn għalkemm tfisser illi l-alleanza ta’ għaqdiet li tkellmu dwar il-kwistjoni ppreferew tliet snin.

“Fil-White Paper hemm ħafna pożittiv imma b’mod ġenerali l-kwistjoni kollha hija li ma nistgħux inħallu l-prezz tad-djar jogħla kif qed jogħla, f’suq li huwa ġungla,” sostniet bint l-eks Prim Ministru Dom Mintoff. “Sena aħjar mix-xejn, forsi dan huwa l-ewwel pass għal passi oħrajn,” sostniet Mintoff, xi ħaġa li fil-fatt qed tbeżża’ lis-sidien.

Imma l-Gvern kif jista’ jindaħalli x’nagħmel bil-proprjetà? “Għandek raġun u nifhem min jirraġuna b’dan il-mod,” qalet Mintoff li tkompli tispjega iżda kif “li rridu nagħmlu huwa li nuru li anke s-sid jaqbillu illi jidħol f’kuntratti ta’ perjodi itwal.”

“Hemm 3,000 persuna fuq il-lista ta’ nies li qed tistenna biex ikollha akkomodazzjoni soċjali,” fakkret Mintoff li qalet illi temmen li d-dewmien li jista’ qed iseħħ biex dawn il-proġetti jibdew huma l-fondi Ewropej. “Nistgħu nsolvu l-problema tal-akkomodazzjoni soċjali mill-flus tagħna. Qabel ma kellniex fondi tal-Unjoni Ewropea u xorta saru ħafna proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali,” qalet Mintoff.

Hija temmet tappella biex apparti Private Public Partnerships, jibdew isiru wkoll Public Social Partnerships ma’ għaqdiet li jaħdmu kontra l-faqar.

‘Ma kontx nagħmel durata minima... irridu nagħtu serħan il-moħħ lis-sidien’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Albert Buttigieg, eks Chairperson tal-Awtorità tad-Djar.  Hu sostna illi kieku hu minflok il-Gvern “ma kont nagħmel xejn durata minima, għax ir-realtà tas-sid ħadd ma jaf x’inhi. Forsi jrid jikri l-proprjetà għal tmien xhur, għax wara se jagħtih lil xi ħadd mill-familja. X’jagħmel dan?” staqsa Buttigieg.

Hu qal li hemm bżonn noqogħdu attenti ħafna li ma nbeżżgħux lis-sidien. ”Nippreferi inċentivi biex il-kiri jkun aktar fit-tul,” qal Buttigieg f’eku tal-argument li qed jagħmel Sandro Chetcuti f’dan l-artiklu wkoll.

“Kif il-Gvern intervjena għal sena, jista’ jindaħal biex id-durata minima tkun aktar,” sostna mal-ILLUM filwaqt li qal li għandu jkun f’idejn l-individwu (is-sid) li jiddeċiedi kemm għandha tkun twila l-kirja.

“Lis-sidien irridu nagħtu serħan il-moħħ, għax jekk ma jkollhomx serħan il-moħħ dawn ibatu l-inkwilini...durata ta’ sena naħseb se jkollha l-inqas effett, imma xorta se jkollok nies li mhumiex lesti jintrabtu b’dan iż-żmien,” qal Buttigieg.

‘Li tobbliga lil xi ħadd ma jagħmilx sens...’

Il-President tal-Malta Developers’ Association (MDA) Sandro Chetcuti, li tirrappreżenta lill-aġenti tal-proprjetà wkoll, qal illi l-MDA ma temminx li l-Gvern għandu jidħol bejn żewġ partijiet f’kuntratt.

“Għandu jkun hemm inċentivi biex min lest li jagħti durata twila jagħtiha, imma dan dejjem fil-libertà li l-kuntratt isir kif maqbul bejn is-sid u l-inkwilin.”

Huwa sostna li l-MDA ma tridx durata obbligatorja, lanqas ta’ sena, għax skontu din fil-fatt tista’ twassal biex is-sidien jgħollu l-prezzijiet sabiex jiggarantixxu li tul il-kirja is-sid jieħu prezz tajjeb tal-proprjetà.

Huwa qal illi l-MDA qed tagħmel diversi proposti, fosthom dawk illi permezz tagħhom persuna dejjem tħallas inqas taxxa, iktar kemm tikri fit-tul. Huwa spjega kif skont il-proposta li ressqu lill-Gvern jekk fl-ewwel sena persuna li tikri tħallas 15% taxxa fuq dak id-dħul, it-tieni sena tħallas 10% u t-tielet sena tħallas 5%.

“Li tobbliga lil xi ħadd ma tagħmilx sens”

‘Jekk id-durata ssir sena... inkunu bqajna fejn konna’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Johanna Axisa Mac Rae, persuna li tmexxi l-Malta Tenant Support.

Hija sostniet illi personalment kienet tixtieq li l-White Paper kien fiha aktar affarijiet, imma temmen li s-soluzzjonijiet  li qed toffri huma tajbin fil-kuntest lokali. “Il-proposti jogħġbuni kollha għalkemm nibża’ li mhumiex se jsolvu l-problema ta’ kirjiet li qed jiżdiedu.”

Imma Axisa Mac Rae tħoss li durata minima ta’ sena hija bilanċ tajjeb? Ir-risposta ta’ Mac Rae hija ċara; “le, sena huwa ftit wisq...jekk immorru għal durata minima ta’ sena nibqgħu fejn aħna llum, għax illum ħafna mis-sidien xorta għal kuntratti ta’ sena jidħlu.”

Mistoqsija dwar l-argument li l-Gvern ma jistax jindaħal, Axisa Mac Rae sostniet illi dan mhux minnu. “F’pajjiżi oħrajn il-Gvern irregola... ma jistax ikollok lis-sidien iżommu lill-pajjiż ostaġġ. Jekk hemm bżonn tiddaħħal taxxa fuq proprjetà li titħalla vojta,” sostniet Ma Rae, definittivament miżura li kieku ssir issib ir-reżistenza qawwija ħafna.

“Jekk immorru għal durata minima ta’ sena, ix-xogħol kollu fantastiku li sar fuq il-White Paper  jisfaxxa. Qisu ma sar xejn,” sostniet Johanna Axisa Mac Rae li fakkret illi l-għan tad-dokument huwa propju li tingħata stabbilità lill-inkwilini, xi ħaġa li b’kuntratt garantit għal sena biss, hi temmen, li ma tistax tingħata.

Imma ma temminx li kulħadd għandu dritt li jiddeċiedi jikrix għat-tul jew le hu, la l-proprjetà hija tiegħu? “Trid tkun obbligatorja. Jekk id-durata minima se tkun għażla mhux se taħdem,” sostniet filwaqt li fakkret fl-uġigħ soċjali li qed toħloq iż-żieda qawwija fil-valur tal-kirjiet privati.

More in Politika