Jipproponu li jitwaqqfu fondi pubbliċi lill-midja li tippromovi ż-xenofobija

Il-ġimgħa d-dieħla, il-Gvernijiet, mexxejja u rappreżentanti għoljin, fosthom dawk ta’ Malta se jivvutaw dwar ftehim li jitratta l-immigrazzjoni u li jassigura d-drittijiet tal-immigranti....

F’pajjiżna ftit qed jagħmel ħoss u s’issa, apparti stqarrija waħda mill-Moviment Patrijotti Maltin, ma saret l-ebda diskussjoni dwaru. Qed nitkellmu dwar il-Global Compact for Safe, Orderly and Regular Migration, dokument tal-Ġnus Magħquda illi jagħti viżjoni ċara ta’ fejn il-firmatarji se jmorru fuq dan is-suġġett jaħraq, tant jaħraq li diversi pajjiżi, fosthom il-Polonja, l-Ungerija, l-Awstrija u issa anke r-Repubblika Ċeka (lkoll pajjiżi tal-Unjoni Ewropea) iddeċidew li mhux se jiffirmawh.

F’Malta, forsi mhedijin b’dak kollu li huwa lokali bħal 17 Black u l-Power Station, ma ndunajniex li jidher illi l-Gvern se jkun firmatarju u l-Partit Nazzjonalista jidher li qed jaqbel ma’ dan.

Imma x’qed jgħid eżatt dan id-dokument u se jolqotna b’xi mod? L-ILLUM analizzat l-abbozz ta’ 31 paġna li l-Gvernijiet, Mexxejja u Rappreżentanti Għoljin se jiffirmaw fl-10 u l-11 ta’ Diċembru li ġej fil-Marokk.

Il-midja: il-Ġnus Magħquda jridu jinżlu b’saħħa kontra midja ‘xenofobika’

Wieħed mill-punti li dwaru qam naqra ta’ diżgwid u differenzi huwa dak li jitratta l-espressjoni xenofobika u l-promozzjoni tad-diskriminazzjoni kontra l-immigranti. Kien hemm min qal li l-Ġnus Magħquda u l-firmatarji ta’ dan id-dokument iridu jagħlqu ħalq il-midja għad-detriment tal-libertà tal-espressjoni.

Fil-fatt, id-dokument jgħid illi l-midja għandha tippromovi r-rappurtaġġ ta’ kwalità, li huwa oġġettiv u indipendenti. Jgħid illi kull min jaħdem fil-qasam tal-midja għandu jkun sensitizzat aktar dwar il-kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni u t-terminoloġija użata. Dan, il-Ġnus Magħquda diġà qed tagħmlu b’laqgħat annwali li jsiru mir-rappreżentanti tagħha f’kmamar tal-aħbarijiet differenti inkluż dik tal-ILLUM.

Li qajjem xi ftit aktar mistoqsijiet kienet il-parti tad-dokument li tgħid illi għandu jitwaqqaf kull tip ta’ finanzjament pubbliku jew inkella appoġġ materjali lil kmamar tal-aħbarijiet li “sistematikament jippromovu l-intolleranza, iż-xenofobija, ir-razziżmu u forom oħra ta’ diskriminazzjoni lejn immigranti.”

Il-kelma ċentrali f’dan il-paragrafu kollu hija “sistematiku.” Dan ifisser illi bi pjan u b’mod organizzat, midja tippromwovi ż-xenofobija bħala parti mil-linja editorjali tagħha. Jiġifieri hawn mhux qed nitkellmu dwar kamra tal-aħbarijiet li xi darba jew oħra ppubblikat storja li setgħet kellha angoli li jinkoraġġixxu r-razziżmu, xenofobija jew vjolenza fuq il-bażi ta’ nazzjonalità. Għal dawn tal-aħħar hemm rimedji legali.

Dan il-paragrafu jisħaq ukoll, għalkemm mhux ċar eżatt kif se tkun fil-prattika, illi kwalunkwe twaqqif ta’ appoġġ irid isir b’rispett lejn il-libertà tal-midja.

Imma mhux hekk biss. Din il-parti tgħid illi bħala prevenzjoni hemm bżonn li 1) jkunu identifikati inċidenti ta’ intolleranza, razziżmu, xenofobija u kull tip ta’ diskriminazzjoni 2) li ssir promozzjoni ta’ attivitajiet illi jippromovu r-rispett lejn l-immigranti, inkluż kampanji elettorali, 3) li jkun hemm mekkaniżmu effettiv fejn persuna tista’ tagħmel ilment, 4) leġiżlazzjoni li tippenalizza u tinkriminalizza atti ta’ mibgħeda kontra immigranti u 5) l-importanza li l-immigranti jkunu dejjem infurmati x’mekkaniżmi hemm għalihom meta jkunu vittmi ta’ vjolenza.

‘Irranġaw pajjiżhom l-ewwel....’

Kemm-il darba nisimgħuha din! ‘Aħjar nirranġaw il-pajjiżi minn fejn qed jitilqu l-immigranti ħalli ma jkollhomx għalfejn jitilqu.”

Id-dokument qed jipproponi li jsir investiment biex ikunu miġġielda l-akbar problemi li qed iwasslu biex bosta jitilqu minn pajjiżhom. Fost dawn hemm; l-eradikazzjoni tal-faqar, saħħa, edukazzjoni, tkabbir ekonomiku aktar inkussiv, ħolqien tax-xogħol, reżiljenza kontra diżastri, mitigazzjoni fil-bidla tal-klima, governanza tajba u saltna tad-dritt.

Id-dokument qed jinsisti wkoll favur il-kapital uman u l-promozzjoni ta’ kapaċitajiet intraprenditorjali u taħriġ vokazzjonali, fost l-oħrajn.

Assigurazzjoni li kull immigrant ikollu prova ta’ dokumenti legali

Il-Ġnus Magħquda qed tinsisti li kull immigrant jingħata l-provi ta’ nazzjonalità u d-dokumentazzjoni rilevanti, fosthom tat-twelid, żwieġ u mewt. Dan, jgħid id-dokument, jagħti s-saħħa lill-immgranti biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

Id-dokument qed jipproponi li biex jintlaħaq dan il-għan għandu jkun  hemm titjib fis-sistemi tar-reġistru ċivili u li jkunu armonizzati d-dokumenti tal-ivjaġġar skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili.

Qed jipproponu wkoll li jsiru karti tar-reġistrazzjoni għall-immigranti. Speċi ta’ karti tal-identità li iżda ma jikkostitwixxux id-dritt ta’ ċittadinanza jew residenza. Dan għandu jsir biex l-immigranti jkunu faċilment identifikati u biex ikunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mis-servizzi rilevanti għalihom.

Proċessi veloċi biex jagħmlu kuntatt mal-familji tagħhom

F’diversi partijiet tad-dokument hemm insistenza għall-bżonn li jitħaffef il-proċess biex l-immigranti jingħaqdu mal-familji tagħhom. Fil-fatt id-dokument jgħid illi għandhom jittieħdu miżuri li jippromovu d-dritt li persuna jkollha familja fl-aħjar interess tat-tfal.

Iebes fuq l-abbużi fuq il-postijiet tax-xogħol

Id-dokument huwa iebes fuq l-abbużi fuq il-post tax-xogħol u jħeġġeġ miżuri ibsin.

Interessanti illi l-Ġnus Magħquda qed titlob lill-aġenziji tal-impjiegi biex ma jitolbux ħlas jew miżati għar-reklutaġġ biex b’hekk ikunu evitati sitwazzjonijiet fejn jekk persuna ma tkunx tista’ tħallas bi flus għas-servizz ta’ reklutaġġ, tħallas għal dak is-servizz b’xogħol (debt bondage).

Id-dokument jinsisti wkoll illi kull ħaddiem immigrant għandu jitħaddem b’kuntratt legali. Il-gvernijiet qed jintalbu jippromovu kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, jevitaw li jsir abbuż u użu tal-ħaddiema u jassiguraw trasparenza sħiħa fil-mod kif jkunu impjegati l-immigranti.

U finalment jitolbu li jkun hemm mekkaniżmi li joffru regolazzjoni effettiva u moniteraġġ.

Id-dokument, fil-linja wkoll ta’ talbiet mill-unjins f’pajjiżna, jesiġi li għandu jkun hemm ħlas ugwali għal xogħol ugwali. Dan filwaqt li jfakkar fil-libertà tal-assoċjazzjoni tal-immigranti, fil-libertà tagħhom li jipprotestaw u fil-bżonn li d-drittijiet kollha tal-ħaddiema mhux immigranti jkunu estiżi lil dawk li huma immigranti.

Aċċess għall-ġustizzja...

Il-Ġnus Magħquda qed titlob lill-gvernijiet biex jaċċertaw illi kull immigrant ikollu aċċess għall-ġustizzja, kif wara kollox għandu kull ċittadin f’pajjiżi tal-Punent.

Aċċess għall-ġustizzja jfisser li fejn l-immigrant ma jistax ikollu avukat tal-għajnuna legali li jirrapreżentah, dan ikollu. Id-dokument qed jitlob li jinħatar ukoll gwardjan legali li jindirizza kwistjonijiet ta’ vulnerabilità u diskriminazzjoni, vjolenza u soluzzjonijet sostenibbli.

‘Pre-screening’ qabel ma jaslu fuq il-fruntiera/kosta

Id-dokument tal-Ġnus Maqgħquda qed jipproponi li jkun hemm dejjem eżaminazzjoni tal-immigranti qabel ma jidħlu fit-territorju tal-pajjiż. Jgħid illi kull immigrant mal-wasla tiegħu jeħtieġ illi jiġi trattat skont il-liġijiet internazzjonali.

Id-dokument jgħid illi l-liġijiet rilevanti dwar  il-mod kif ikun indirizzat dħul irregolari fil-pajjiż għandhom ikunu proporzjonati, mhux diskriminatorji u li ma jiksrux il-liġi internazzjonali.

Id-detenzjoni għandha tkun “għall-iqsar żmien possibbli”

Il-Ġnus Magħquda qed jinsistu li kwalunkwe detenzjoni jeħtieġ li tkun “għall-iqsar żmien possibbli” u miżura tal-aħħar għażla.

Id-dokument jgħid li d-deċiżjoni li xi ħadd ikun detenut għandha tkun ibbażata fuq il-liġi, proporzjonata, ikollha raġuni valida, li tittieħed fuq bażi individwali u skont is-salvagwardji kollha proċedurali.

Id-dokument jinsisti li d-detenzjoni qatt m’għandha tintuża bħala deterrent. Jgħid ukoll illi kull immigrant li jkun f’detenzjoni għandu jkun jaf għalfejn qed ikun detenut f’lingwa li jifhem u jkollu d-dritt li jikkonsulta ma’ Konsli, rappreżentanti legali u familja b’mod faċli.

Finalment, tgħid illi konsistenti mad-drittijiet tal-bniedem dawk li jaħdmu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni għandhom ikunu mħarrġin.

Henry Battistino
Henry Battistino

L-unika ħoss dwar dan id-dokument sakemm inkiteb dan l-artiklu kien minn Henry Battistino tal-Moviment Patrijotti Maltin li qal illi id-dokument huwa “ambigwu” u sostna li l-pajjiżi kollha qed “jiġu mitluba jirratifikaw u joqogħdu għall-kundizzjonijiet li hemm ġo fih, iżda fil-preżent ma jafux l-implikazzjonijiet u l-obbligi li dawn jistgħu jġibu għall-popli tagħhom.”

“B'mod simili u paralelli, il-Kanċillier tal-Ġermanja, riċentement instemgħet titlob lill-pajjiżi tal-EU sabiex iċedu s-sovranità tagħhom b'mod assolut.”

L-istqarrija tal-Patrijotti kompliet tgħid li fid-dawl ta’ dawk li sejħulhom “theddidiet għas-sigurtà u s-sovranità tagħna” talbu lill-Gvern jagħmel ċar il-pożizzjoni tiegħu dwar id-dokument.

More in Politika