'L-ebda mara m'għandha taċċetta dan id-diskors' ... Rosianne Cutajar tiftaħ żewġ libelli

Cutajar qalet li l-attakki fuqha kienu ġejjin minn persuni qrib il-Partit Nazzjonalista

Id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar ippreżentat żewġ kawżi ta’ libell b’rabta ma’ dak li qed tiddeskrivi bħala tgħajjir malafamanti u personali li kien hemm fil-konfront tagħha fl-aħħar ġimgħat.

Fi stqarrija, Cutajar saħqet li dawn l-attakki fuqha kienu ġejjin minn persuni qrib il-Partit Nazzjonalista, partikolarment “il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.”

Kompliet tgħid li minkejja li ilha 8 snin fil-politika, dawn huma l-ewwel libelli li qed tagħmel.

“Kont instigata nagħmel dawn il-libelli mill-fatt li fl-aħħar jiem donnu kien hawn min ried jiġġustifika diskors malafamanti, bħal tgħajjir ta’ qaħba u qaħba f’xalata, fost kliem oħrajn u insinwazzjonijiet. Filwaqt li ngħożż il-libertà tal-kelma nemmen li rridu nibagħtu messaġġ favur dibattitu iktar dinjituż,” saħqet Cutajar.

Cutajar żiedet tgħid kif meta diskors simili ntqal fuq persuni oħra qrib il-Partit Nazzjonalista kien hemm kundanni mmedjati. “Iżda, donnu hawn min jaċċetah jekk ikun fuq xi ħadd ġej mill-Partit Laburista,” qalet Cutajar.

Temmet tgħid li b’din l-azzjoni trid tibgħat messaġġ li l-ebda mara, lanqas min hu fil-politika, m’għandha taċċetta dan id-diskors li huwa attakk fuq id-dinjità tagħha.

More in Politika