'Ebda skop għal investigazzjoni fuq 17 Black jekk mhux biex tittieħed azzjoni kriminali'

Muscat qal li l-investigazzjoni kriminali hija fuq 17 Black mhux fuq Keith u Konrad, anke jekk din il-kumpanija 17 Black hija allegatament 'Target Client' ta' Hearnville u Tillgate

Marion Pace Asciak, li qed tmexxi 'Repubblika'
Marion Pace Asciak, li qed tmexxi 'Repubblika'

"Ir-riżenja immedjata ta’ Keith Schembri mhix meħtieġa sempliċiment għax wegħdha Joseph Muscat. Hi meħtieġa għax fil-pożizzjoni tiegħu ta’ poter, il-pulizija u l-istituzzjonijiet huma mhedda b’konsegwenzi prattiċi u reali jekk biss ifettilhom jagħmlu xogħolhom u jarrestawh." Hekk sostna l-moviment li għadu kif kien iffurmat, 'Repubblika' u li hu mmexxi minn Mario Pace Asciak, eks kanditata mal-Partit Nazzjonalista.

"Daqs kemm hu abbuż ta’ poter u aġir potenzjalment illegali tal-Prim Ministru li jkenn persuni minn idejn il-liġi u jostakola ‘l-ġustizzja billi jżommhom qrib tiegħu fl-aktar uffiċċju potenti tal-eżekuttiv.," allegaw. 

"M’hemm ebda skop għal investigazzjoni kriminali jekk mhux biex tittieħed azzjoni kriminali fuq dawn il-fatti stabbiliti.  Keith Schembri u Konrad Mizzi ixxaħħmu biex taw l-proġett tal-power station lil Electrogas," sostnew Repubblika. 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jinsisti li l-investigazzjoni hija fuq il-kumpanija 17 Black u mhux fuq Keith Schembri. 

 "M’hemm ebda skop li tiġi mistħarrġa 17 Black ħlief biex Konrad Mizzi u Keith Schembri, flimkien ma’ Yorgen Fenech u possibbilment persuni oħra, jinżammu mill-pulizija u jitressqu l-Qorti akkużati b’korruzzjoni u ħasil ta’ flus." temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika