'Il-kuntratti qosra jfissru biss instabbilità għall-ħaddiema'

Iż-żewġ unjins ewlenin jirreaġixxu għall-istorja tal-ILLUM dwar kuntratti qosra għall-ħaddiema fl-Isptar ta' Għawdex

Iż-żewġ unjins ewlenin saħqu mal-gazzetta ILLUM li ma jaqblux li ħaddiema jingħataw kuntratti qosra anke għax, fi kliemhom, dawn ifissru biss  instabbilità għall-ħaddiema.

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU), Josef Bugeja u ll-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, Josef Vella, kienu qed jirreaġixxu għall-istorja tal-ILLUM dwar kuntratti qosra li jiġġeddu kull ftit xhur, li qed jingħataw lil skrivana fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.

‘Dejjem naraw li kuntratti bħal dawn ma jingħatawx’

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU), Josef Bugeja, saħaq li l-unjin ma taqbilx ma’ kuntratti li jiġġeddu kull ftit xhur għax dawn ifissru instabbilità għall-ħaddiema.

“Persuni fuq kuntratti definiti qosra jkun diffiċli li jagħmlu pjani fit-tul,” saħaq Bugeja. “Anke loan ikun diffiċli li jieħdu.”

Kien għalhekk li insista li fejn il-ħaddiema huma organizzati fi ħdan il-GWU, l-uffiċjali jassiguraw li kuntratti bħal dawn ma jingħatawx.

Minkejja kollox, Bugeja insista li ma jeskludix il-fatt li kien hemm każi partikolari, speċjalment fejn fi kliemu jkun hemm “objective reason,” li dawn it-tip ta’ kuntratti jingħataw għal biċċa xogħol speċifika.

Huwa spjega li l-ideal dejjem ikun li l-kuntratt ta’ impjieg ikun wieħed indefinit u insista li l-GWU dejjem tinnegozja għal dawn it-tip ta’ kuntratti. Madanakollu, insista li f’każ li dan ma jkunx possibbli, l-unjin dejjem tirsisti biex kuntratt definit ikun jorbot għal minn tal-inqas sitt xhur.

Fakkar li dan l-aħħar, il-GWU saħansitra ħadet pożizzjoni biex ‘zero hour contracts’ isiru illegali.

Mistoqsi jekk jistax jindika xi vantaġġ li jista’ jgawdi minnu l-ħaddiem, meta qed jitħaddem b’kuntratt definit qasir, Bugeja insista li sakemm ma jkunx hemm “objective reason,” l-unjin tara biss żvantaġġi.

“Jekk ma jaċċettawx il-Maltin inġibu l-barranin”

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, Josef Vella kkonferma mal-gazzetta ILLUM li jaf b’każi ta’ ħaddiema li qed jitħaddmu b’kuntratti li jiġġeddu kull xahar u li għall-kuntrarju ta’ dak li forsi jaħsbu ħafna, dawn il-ħaddiema huma Maltin.

Filwaqt li rrikonoxxa l-fatt li dawn l-impjegaturi mhuma qed jagħmlu xejn kontra l-liġi, insista li ma jfissirx li dawn il-kuntratti huma tajbin, anzi qal li għad irid jifhem x’jieħdu minn dawn it-tip ta’ kuntratti. Fi kliemu, dawn iġibu biss problemi u nuqqas ta’ sigurtà għall-ħaddiem.

“Immaġina ħaddiem b’dan it-tip ta’ kuntratt li jrid imur jissellef mill-bank,” saħaq Vella. Insista li anke jekk wara erba’ snin il-kuntratt isir wieħed indefinit, “immaġina t-taqtigħ ta’ qalb li jgħaddu minnu dawn il-ħaddiema sakemm jasal l-aħħar tax-xahar.”

Ikkalkula li sakemm jgħaddi dan il-perjodu, il-ħaddiem ikunu sarulu xejn inqas minn 48 kuntratt tax-xogħol. “Jispiċċaw qishom qed iġemmgħu l-istickers tal-album.”

Josef Vella kompla jisħaq kif ma jistax jifhem kif il-ħaddiema Maltin qed ikunu trattati b’dan il-mod meta llum id-domanda għax-xogħol hija ħafna akbar min-numru ta’ ħaddiema disponibbli, tant li qed ikollhom jinġiebu l-ħaddiema barranin.

“Ma nistax nifhem kif il-ħaddiema Maltin qed jingħataw bis-sieq. Qed jiġri hekk għax l-impjegatur għandu l-kumdità. Jekk ma jistgħux il-Maltin, inġibu l-barranin,” qal Vella waqt li insista li jiskanta aktar u aktar meta jkollok impjegatur li jitratta b’dan il-mod lill-ħaddiem Malti, imbagħad jimpjega lill-barranin u saħansitra jagħtihom l-akkomodazzjoni.

“Ma għandi xejn kontra l-ħaddiema barranin, iżda din hija r-realtà li qed insibu ma wiċċna,” saħaq Vella.

Iżda l-unjin x’tista’ tagħmel f’dawn il-każi? Vella insista li filwaqt li l-unjin tipprova taqbeż għall-ħaddiem, anke jekk ikun waħdu, impjegatur faċilment jista’ jserraħ fuq il-liġi u jagħlaq ħalq l-unjin billi jgħidilha li mhu qed jagħmel xejn kontra l-liġi.

Iżda kompla jgħid li jista’ jagħti l-każ ukoll li l-ħaddiem lanqas biss jipprova jbiddel is-sitwazzjoni tiegħu. “Jekk fl-istess kumpanija jkun hemm 10 ħaddiema oħra b’kuntratti simili, iżda dawn ma jixtiqux jitkellmu, se joqgħod lura hu wkoll, għax jekk jitkellem, jasal l-aħħar tax-xahar u l-kuntratt tiegħu ma jiġġeddidx.”

Kien hawn, li fakkar fil-proposta tal-UĦM li jkun hemm portal fejn kull impjegatur jippubblika mal-awtoritajiet il-kuntratti tax-xogħol biex ikun assigurat li ma jkunx hemmx abbużi.

More in Politika