L-MFA qed tinvestiga eks referì tal-FIFA mixli b’tixħim

Allegatament l-għeruq tal-każ inkwistjoni jmorru lura għall-finali tal-FA Trophy ta’ sentejn ilu

Din il-gazzetta tinsab infurmata li l-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta' Malta (MFA) mill-ġdid reġgħet fetħet investigazzjoni fil-konfront ta’ eks referì ta’ FIFA li sentejn ilu kien mixli b’akkużi ta’ tixħim.

Sorsi qrib sew l-operat tal-MFA, spjegaw mal-ILLUM li fid-dawl ta’ dettalji ġodda dwar ir-referì inkwistjoni, l-Uffiċjal għall-Integrità tal-MFA, Franz Tabone reġa’ fetaħ din l-investigazzjoni. Din il-gazzetta bagħtet għadd ta’ mistoqsijiet lil Tabone li fihom staqsietu biex l-ewwel nett jikkonferma l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni inwkistjoni, kif ukoll dwar ir-raġunijiet li allegatament reġgħu wasslu għall-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni.

Minkejja d-domandi tal-ILLUM, Tabone baqa’ b’fommu sieket bir-risposta tiegħu tkun biss li, “l-uffiċċju tiegħu jopera f’ambjent sensittiv u għalhekk nagħmlu kollox bl-ogħla responsabbilità u kunfidinzjalità.”

Allegatament, l-għeruq tal-każ inkwistjoni jmorru lura għall-finali tal-FA Trophy ta’ sentejn ilu. Jidher li dak iż-żmien, iż-żewġ Presidenti tat-timijiet finalisti f’din il-kompetizzjoni avviċinaw lill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo u infurmawh illi kien diġà magħruf min se jkun ir-referì għall-finali tal-FA Trophy minkejja li suppost informazzjoni sensittiva bħal din ma toħroġx fil-pubbliku jekk mhux fl-aħħar jiem qabel il-logħba. ‘Leak’ bħal din hi meqjusa bħala bandiera ħamra kbira u tista’ tqajjem suspett ta’ tixħim. Minkejja dan, dak iż-żmien ma ttiħdux passi ulterjuri.

Intant, din il-gazzetta għamlet kuntatt ukoll ma’ Alexei Tabone, il-President tal-Malta Football Referees Association. Mal-ILLUM, Tabone sostna li, “ninsab infurmat fuq dawn ix-xnigħat fir-rigward ta’ eks refrì tal-Fifa. Naf ukoll li din l-informazzjoni waslet għand id-Direttur tar-Referis, Kevin Azzopardi u dan għadda l-informazzjoni lil Franz Tabone, li min-naħa tiegħu beda l-investigazzjoni.”

Mistoqsi jekk jaħsibx li n-nuqqas ta’ dettalji min-naħa tal-MFA huwiex jitfa’ dell ikrah fuq referis oħra, Tabone qal li, “ix-xnigħat fuq il-każ, qed issemmu biss li huma fuq eks referì tal-Fifa. Fl-għaqda tagħna eks referì tal-Fifa wieħed għandna, Clayton Pisani u nixtieq nagħmilha ċara li dan mhuwiex ir-referì li qed jiġi investigat.”

Żied jgħid li skontu, “ikun xieraq kieku l-MFA toħroġ kjarifika ċara għaliex mhuwiex sew li jintefa’ dell ikrah fuq referis oħra.”

‘Il-kriżi’ tar-referis f’pajjiżna

L-ILLUM tinsab infurmata wkoll li din il-ġimgħa, waqt laqgħa tal-Kunsill tal-MFA, Tabone għamel diskors li fih żvela għal darb’oħra ‘l-kriżi’ fis-settur tar-referis f’pajjiżna. Hu mifhum li waqt il-laqgħa Tabone semma kif fl-aħħar sitt snin waqfu madwar 20 referì, fosthom referis prominenti. L-ILLUM tistaqsi lill-President biex jispjega aktar din is-sitwazzjoni preżenti, “Waqfu ħafna referis prominenti, ħafna minnhom jgħidu li tiflu l-motivazzjoni però nemmen li hemm raġunijiet oħra wkoll.”

Hu kompla jispjega kif, “fejn qabel referì kien idum 10 snin biex jitla’ premier issa qiegħed jitla wara 4 snin. Mhux qed ikun hemm għażla u mhux qed isir reklutaġġ xieraq mill-MFA. Attwalment għandna wkoll 19-il referì mis-Serbja li din ’il quddiem taf toħloq ukoll problemi oħrajn,” irrimarka Tabone.

More in Politika