Niżvelaw sondaġġ moħbi dwar il-Ministri

L-ILLUM tiżvela sondaġġ tat-Torċa li għal xi raġuni ma kienx ippubblikat

L-ILLUM qed tiżvela sondaġġ li sar mill-gazzetta ‘It-Torċa’, li iżda, għal xi raġuni, inżamm milli jiġi ppubblikat.

Minn dan is-sondaġġ irriżulta li l-aktar sitt Ministri popolari mal-Maltin huma Ian Borg, Chris Fearne, Konrad Mizzi, Edward Scicluna, Evarist Bartolo u Owen Bonnici.

Is-sondaġġ poġġa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg, bħala l-favorit ta’ 52.3% tal-votanti Maltin.

Anke jekk id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne huwa t-tieni l-aktar popolari (27.4%), fadallu ftit x’jaqdef biex jilħaq lill-Ministru Borg hekk kif bejniethom hemm differenza ta’ kważi 25%.

Il-Ministri l-oħra, anke jekk għamluha mal-aqwa sitta, minn 13-il Ministru, huma ħafna inqas popolari mill-Ministri Borg u Fearne.

Fil-fatt, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi huwa l-preferut ta’ 8.4% tal-votanti filwaqt li warajh jiġu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna (5.7%), il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo (2.7%) u l-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali Owen Bonnici (1.4%).

Jekk bejn dawn l-erba’ Ministri d-differenza mhux daqstant kbira, bejn il-Ministru Konrad Mizzi u l-Ministru Chris Fearne hemm differenza ta’ 19%.

Ian Borg il-favorit ta’ aktar minn nofs il-votanti
Ian Borg il-favorit ta’ aktar minn nofs il-votanti

…fih aktar x’tomgħod?

Huwa sigriet magħruf li anke jekk għad ma hemm l-ebda indikazzjoni meta l-Prim Ministru Joseph Muscat se jwarrab, diversi huma dawk li diġà bdew jitfgħu ħarsithom jew jistaqsu min jista’ jkun is-suċċessur ideali.

Anke jekk f’dan is-sondaġġ Ian Borg kien il-Ministru l-aktar popolari, minn stħarriġ li kienet għamlet il-gazzetta oħt MaltaToday f’Marzu li għadda, Borg kien l-inqas popolari fost Robert Abela, Miriam Dalli u Chris Fearne biex jieħu post Muscat.

Filwaqt li 63% kienu għadhom indeċiżi min jaħsbu li għandu jkun is-suċċessur ta’ Muscat, 4.9% biss ta’ dawk li ħadu sehem kienu għażlu lill-Ministru Ian Borg.

Fil-fatt, minn dan is-sondaġġ kien irriżulta li l-aktar żewġ persuni popolari biex jieħdu post Joseph Muscat, lanqas biss huma Ministri.

10% ta’ dawk li wieġbu kienu għażlu lil Robert Abela bħala s-suċċessur ideali ta’ Muscat, filwaqt li 8.2% għażlu lil l-Ewroparlamentari Miriam Dalli.

Abela u Dalli kienu wkoll il-favoriti fost dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvutaw lill-Partit Laburista. Minn dawn, 16% għażlu lil Abela u 9.3% għażlu lil Dalli.

Anke jekk ma kienx l-aktar favorit, fis-sondaġġ tal-MaltaToday il-Ministru Chris Fearne kien ħareġ aktar popolari mill-Minsitru Ian Borg biex jieħu post Muscat. Kienu 6.6% li dak iż-żmien għażlu lid-Deputat Prim Ministru.

7.4% kienu qalu li jippreferu lil xi ħadd ieħor milli lil Abela, Dalli, Fearne jew Borg.

More in Politika