Il-Kunsill Ġenerali tal-PN se jiddiskuti t-tkabbir tal-popolazzjoni

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Clyde Puli, saħaq li l-politika demografika tal-Gvern ma tħarisx fit-tul u qed tħalli effetti negattivi fuq diversi oqsma

‘Ġid għal Kulħadd f'Soċjetà li Jimpurtaha,’ se tkun it-tema tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li se jibda jiltaqa’ min-nhar it-Tnejn 19 ta' Novembru sal-Ħadd 25 ta' Novembru.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li fost affarijiet oħra, il-Kunsill Ġenerali se jkun qiegħed jiddiskuti l-politika demografika tal-Gvern u l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali li fi kliemu qed tħalli din il-politika.

Fost oħrajn, Puli spjega li l-Kunsill Ġenerali se jkun qiegħed jiddiskuti dokument li tħejja apposta minn esperti ekonomiċi, liema dokument se jkun qiegħed jitqassam lill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista.

Saħaq li l-għan ta’ dan il-Kunsill Ġenerali, se jkun li jiddiskuti u jipproponi pjan ekonomiku fit-tul ibbażat fuq soċjetà li jimpurtaha.

“Dan sabiex il-ġid li qiegħed jinħoloq verament jasal għand kulħadd u jkollna nazzjon li jkun ippreparat u ħerqan għall-futur,” spjega Puli.

Kompla jgħid li d-dokument iħares ukoll lejn il-ħarsien tar-reputazzjoni ta' Malta, li fi kliemu qed titkisser minħabba l-għemil ta' ftit persuni u speċjalment wara dak li ġie rrappurtat mill-midja dwar il-kumpanija 17 Black u l-konnessjoni mal-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

“Organizzazzjonijiet internazzjonali wkoll qed iwissu dwar il-korruzzjoni fosthom l-OECD, li poġġiet lil Malta fil-lista s-sewda minħabba l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Apparti rapport oħra Ewropej li jenfasizzaw fuq miżuri aktar effettivi li kellhom jittieħdu mill-awtoritajiet Maltin għall-prevenzjoni tal-ħasil ta' flus. Dan kollu qed iħalli impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni ta' pajjiżna, b'mod speċjali fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji,” tenna Puli.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, u l-Kordinattriċi tal-Kunsill Ġenerali Amanda Abela.

More in Politika