'Pajjiż bħal tagħna li qiegħed fuq il-fruntiera ma jistax jitħalla jaqdef waħdu'

Vot favur proposti ta' Miriam Dalli biex aktar minn €500 miljun jgħinupajjiżi bħal Malta li jiffaċċjaw pressjoni li ġġib magħha l-migrazzjoni irregolari

Vot fil-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern ta’ appoġġ lill-proposti leġiżlattivi tal-Ewroparlamentari Miriam Dalli li permezz tagħhom se jkunu żblukkati aktar minn €500 miljun biex jgħinu pajjiżi bħal Malta li jiffaċċjaw pressjoni li ġġib magħha l-migrazzjoni irregolari. 

Dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropeja se jmorru għall-mira ta’ solidarjetà, permezz ta’ azzjonijiet bħall-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni u miżuri li jsaħħu l-politika tal-ażil, fost oħrajn.

Qed ninsiti dwar is-solidarjetà għax pajjiż bħal tagħna li qiegħed fuq il-fruntiera ma jistax jitħalla jaqdef waħdu,” qalet Miriam Dalli f’kummenti wara l-vot.  “Il-liġi internazzjonali titfa’ fuqna ċerta responsabiltajiet f’każijiet li inti jkollok dgħajjes b’immigranti irregolari bejn sema u ilma li jkunu f’periklu. Fl-istess ħin, għandna bżonn li jkollna s-solidarjetà u għandna bżonn li ssir ir-rilokazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja.”

Fil-qofol tal-kriżi migratorja fl-2015, l-Istati Membri qablu mar-rilokazzjoni ta' persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali kif ukoll għar-risistemazzjoni tar-refuġjati Sirjani.

Għal dan il-għan, ingħataw madwar €843 miljun, bl-impenn irid ikun sar sa tmiem l-2018. Madankollu, minkejja li d-data ta' skadenza hi imminenti, iktar minn €500 miljun baqgħu mhux użati.

Dalli bħalissa qed taħdem fuq żewġ liġijiet marbuta mal-migrazzjoni irregolari - waħda hija dwar fond ta’ aktar minn €10 biljuni u l-liġi l-oħra hija dik li ġiet ivvutata fil-kumitat.

Issa jmiss vot  fil-plenarja biex b’hekk l-MPE Maltija tkun tista’ tinnegozja f’isem il-Parlament Ewropew waqt in-negozjati interistituzzjonali.

More in Politika