'Pilatus huwa 'ħuta żgħira' ħdejn banek kbar li jaħslu l-flus'

Alfred Sant jakkuża lill-Kummissjoni Ewropea li qed tagħlaq għajnejha għal banek kbar Ewropej li jaħslu l-flus

L-Ewroparlamentari Alfred Sant akkuża lill-Kummissjoni Ewropea li fi kliemu tħoss li għandha tinvestiga l-banek iż-żgħar li joperaw fl-iċken stati membri tal-UE u tagħlaq għajnejha fuq l-attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus tal-banek il-kbar Ewropej.

Waqt il-programm Talking Europe fuq France 24, Sant akkuża li l-Kummissarju Vera Yourova li qatt ma ssemmi banek kbar bħad-Deutsche Bank, l-ikbar bank Ġermaniż, li s-sena l-oħra ġie mmultat €620 miljun għax ippermetta l-ħasil ta’ flus, iżda mbagħad titfa’ taħt il-lenti lil banek żgħar tal-istati membri ż-żgħar bħal Malta.

 “Ma tinstemax kurjuża li Yourova titkellem dwar bank żgħir f’pajjiż żgħir u ma titkellimx dwar Deutsche Bank? Pilatus Bank kien bank żgħir ta’ investiment li nqabad b’sanzjonijiet tal-Istati Uniti. Dan kien ħuta żgħira meta kkomparat ma’ Danske Bank, l-ikbar bank fid-Danimarka," saħaq Dr Sant. "Il-ħut il-kbir, Il-‘balieni’ fl-Isvezja, Franza u l-Ġermanja ma ssemmewx mill-Kummissarju Yourova.”

Alfred Sant kompla jgħid li l-investiment bl-iskemi taċ-ċittadinanza f’Malta u Ċipru huma leġittimi u aktar trasparenti minn dawk li għandhom pajjiżi kbar bħall-Awstrija, Franza u l-Ġermanja.

More in Politika