Kien il-Ministru Bonnici li ta l-ordni biex jitnaddaf il-monument tal-Assedju

F'Settembru li għadda kien tħabbar li l-monument se jkun irrestawrat

Illum fil-Qorti nstema’ l-każ li fetaħ l-attivist Manuel Delia kontra l-Ministru Owen Bonnici u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tat-Tindif, Ramon Deguara,  dan wara li f'Settebru li għadda tnaddaf u beda l-proċess ta’ restawr fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir.

Dan il-monument kien f'nofs kontroversja minħabba li minn Ottubru tas-sena l-oħra kien sar post fejn jitħallew fjuri u xemgħat kif ukoll ritratti li jfakkru lil Daphne Caruana Galizia. 

Fil-Qorti Deguara spjega kif kien propju, l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi li qabdu biex jnaddaf il-fjuri u x-xemgħat minn fuq il-monument tal-Assedju. Deguara spjega li dan it-tindif ta’ monumenti nazzjonali, inkluż it-tindif ta’ fjuri u xemgħat iseħħ b’mod regolari hekk kif it-tindif tal-Belt Valletta hi responsabbiltà tad-dipartiment tiegħu. Żied jgħid ukoll li qabel l-ordni tal-Ministru, il-ħaddiema tiegħu kellhom struzzjonijiet ċari biex ma jnaddfu l-ebda oġġett minn fuq dan il-monument i kwistjoni.

Deguara spjega koll li, fil-passat il-ħaddiema tiegħu kienu jgħaddu l-affarijiet lill-Pulizija sakemm dawn bdew jiġu depożitati fil-Qorti.

Apparti mix-xhieda ta’ Deguara, il-Qorti semmgħet ix-xhieda ta’ diversi uffiċjali tal-Gvern fosthom, is-segretarju Parlamentari Deo Debattisita, li hu r-responsabbli mill-Valletta 2018.

Minn naħa tagħha, f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Ispettur Priscillia Caruana Lee, preżentat fil-Qorti tmien rapporti fuq it-tneħħija ta’ dawn l-oġġetti minn fuq il-monument bejn il-perjodu ta’ Marzu u Ottubru. Dawn ir-rapporti kienu saru mil-Membru Parlamentari Nazzjonalista Karol Aquilina, Manuel Delia u Robert Aquilina filwaqt li f’xi każijiet minn uffiċċjali tal-Pulizija.

Apparti minn hekk Caruana Lee, saħqet li l-Pulizija qatt ma kienet tkun infurmata li l-monument se jitnaddaf filwaqt  li ma kkonfermatx li l-Pulizija kienet għamlet kuntatt mal-Ministru dwar dan il-każ.

F’Settembru li għadda, l-Ministru Owen Bonnici kien ħabbar, permezz tal-paġna tiegħu ta' Facebook, illi se jibda restawr fuq in-naħa ta' isfel tal-monument tal-Assedju l-Kbir li jinsab quddiem il-Qorti.

More in Politika