Esklussiva | Tal-Pilatus għandhom xahar ċans biex 'isalvaw' il-bank

L-MFSA tikkonferma mal-ILLUM li l-Bank Pilatus għandu xahar ċans biex japella r-revoka tal-EĊB - Il-gazzetta ILLUM tmur Ta Xbiex. -  Il-bank magħluq u mgħasses...

Għadu mhux magħruf jekk il-Bank Pilatus hux se jkun qiegħed jappella d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li nhar it-Tnejn li għadda ħabbar li kien qiegħed jirrevoka l-liċenzja mogħtija lill-bank biex ikun jista’ jopera f’Malta.

Fil-fatt, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) kkonfermat mal-gazzetta ILLUM li kwalunkwe bank li l-BĊE jkun ħadlu l-liċenzja, jista’ jappella d-deċiżjoni. Fil-fatt, kif spjegat aktar ’il quddiem, hekk kienu għamlu s-sidien tal-bank online Nemea, meta l-Bank Ċentrali Ewropew kien ħadlu l-liċenzja.

Mhux hekk biss, l-MFSA kompliet tispjega lill-gazzetta ILLUM li skont il-paragrafu 11 tal-artiklu 24 tar-Regolamenti tal-Kunsill (UE), tal-15 ta’ Ottubru 2013, “istituzzjoni ta’ kreditu tista’ wkoll teżerċita d-dritt li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.”

Għall-mistoqsija tal-ILLUM dwar min għandu d-dritt li jappella mid-deċiżjoni, jekk hux id-diretturi, jew inkella s-sidien, l-MFSA kkwotat il-ħames paragrafu tal-artiklu 24 tal-istess regolament li jistabbilixxi li “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika…tista’ titlob rieżami (tappella) ta’ deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew.”

Fil-fatt, skont il-paragrafu li jsegwi, id-diretturi u s-sidien tal-Bank Pilatus għandhom xahar ċans biex jappellaw id-deċiżjoni, liema talba trid issir bil-miktub u għandha tinkludi stqarrija tar-raġunijiet.

Iżda x’se jagħmel il-Bank Pilatus? Se jappella?

L-ILLUM għamlet kuntatt mal-Avukat Jonathan Thompson li qiegħed jirrappreżenta lid-diretturi tal-bank f’każ li fetħu l-Qorti (ara aktar ’il quddiem) u staqsietu jekk hux se jappellaw mid-deċiżjoni tal-BĊE. Huwa wieġeb biss li għalissa “għadu mhux infurmat.”

Il-gazzetta ppruvat tagħmel ukoll kuntatt mal-Bank Pilatus biex tistaqsi lil xi ħadd mid-diretturi tiegħu jekk iddiskutewx il-possibbilità li jappellaw mid-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewoprew, iżda l-linja tat-telefon tal-Bank hija maqtugħa.

Apparti minn hekk, is-sit li sa ftit ġimgħat ilu kien jinkludi d-deċiżjonijiet li ħadet l-MFSA fil-konfront tal-bank, wara l-arrest fl-Istati Uniti tas-sid Ali Sadr Hasheminejad, ma għadux jaħdem.

Kien għalhekk li l-ILLUM marret fil-binja ta’ Whitehall f’Ta’ Xbiex, fejn sa ftit xhur ilu kien hemm l-uffiċini tal-bank. Kemm l-uffiċjal tas-sigurtà għassa mal-binja u anke r-‘receptionists,’ qalulna li lejn l-uffiċini ma għadu jersaq ħadd u li jkunu mgħassa mill-Pulizija.

Din il-gazzetta bagħtet ukoll tistaqsi lis-Segretarju tal-Kumpanija, Luis Felipe Rivera, jekk il-bank hux se jappella mid-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew. Sakemm morna għall-pubblikazzjoni, ma rċevejna l-ebda tweġiba.

Għalfejn ittieħdet il-liċenzja tal-Bank?

Ftit sigħat wara l-arrest ta’ Hasheminejad f’Marzu li għadda, l-MFSA kienet issospendietu minn kull pożizzjoni li għandu fil-bank u ordnat li ma jitħalliex jagħmel tranżazzjonijiet bankarji, la hu u lanqas xi ħadd li direttament jew indirettament għandu konnessjoni miegħu.

L-MFSA kienet ħatret ukoll lil Lawrence Connell, eks regolatur finanzjarju fl-Istati Uniti, biex jamministra l-assi u t-tmexxija tal-bank u aktar tard kienet hi li talbet lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jirrevoka l-liċenzja.

Minkejja kollox, anke jekk b’idejh marbuta, Hasheminejad għadu s-sid tal-bank u anke d-diretturi, għalkemm ma jistgħux jaġixxu bħala diretturi, jiġifieri ma jistgħux imexxu l-bank, għadhom iħarsu l-interess tal-kumpanija.

Fil-fatt, skont l-informazzjoni fuq is-sit tal-MFSA, waħda mis-sidien ta’ Pilatus Bank PLC hija Pilatus Holding LTD li s-sidien tagħha huma Alpene Limited u Hasheminejad innifsu.

Erba’ persuni jibqgħu mniżżla wkoll bħala d-Diretturi tal-Pilatus Bank PLC.

X’ċans hemm li l-Bank Pilatus jappella?

Sors infurmat sewwa fis-settur bankarju qal mal-gazzetta ILLUM li għalkemm id-deċiżjoni tibqa’ dejjem f’idejn id-diretturi jew is-sidien, hemm ċans kbir li l-Bank jappella din id-deċiżjoni.

Spjega kif anke jekk id-diretturi ma jistgħux imexxu l-bank, l-interess tal-kumpanija jibqa’ f’idejhom. Wieħed jista’ jżid li fin-nofs hemm ukoll l-interess personali tagħhom. Il-fatt li huma diretturi ta’ bank li tilef il-liċenzja, ma tantx tidher sabiħa fuq is-CV tagħhom.

Fil-fatt, il-ġurnal Times of Malta kien irrapporta li d-diretturi tal-Bank Pilatus qed ifittxu bil-liġi lill-MFSA għad-danni. Id-diretturi qed jikkritikaw id-deċiżjonijiet li l-MFSA u saħansitra jisħqu li kisritilhom id-drittijiet kostituzzjonali tagħhom meta ħadet passi kontra l-bank u ffriżat il-ħidma tiegħu qabel mas-sid instab ħati.

Il-kumpanija Pilatus Holdings LTD kienet saħansitra talbet il-Qorti biex tieħu passi għax fi kliemha ma jistax ikun li Lawrence Connell jibqa’ jieħu €100,000 f'pagi kull xahar, €50,000 għalih u €50,000 għall-istaff tiegħu, fi żmien meta l-bank ma għadux qed jopera.

Iżda apparti minn hekk, l-istess sors kompla jispjega li anke Hasheminejad, li effettivament huwa s-sid tal-bank, għandu ċans kbir li jappella biex il-liċenzja tal-bank ma tkunx revokata.

Fakkar li Hasheminejad għadu ma nstabx ħati tal-akkużi li qed jiffaċja u apparti minn hekk mhux qiegħed il-ħabs għax ingħata l-libertà kkundizzjonata.

Apparti minn hekk, anke jekk kien hemm rapporti li Hasheminejad fetaħ kumpanija tal-kostruzzjoni (Malta International Construction Ltd) biex jibni proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali, is-sors saħaq li x’aktarx l-għajxien tiegħu jiddependi mill-Bank Pilatus u għalhekk il-possibbilità li jappella mid-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew hija akbar.

Is-sidien tan-Nemea Bank kienu appellaw…

Il-każ tal-Bank Nemea f’Malta jista’ jservi ta’ indikazzjoni ta’ x’jista’ jseħħ fil-każ tal-Bank Pilatus.

Anke f’dan il-każ, l-MFSA kienet talbet lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jirrevoka l-liċenzja liema liċenzja kienet ġiet irrevokata f’Marzu tal-2017.

Il-każ ta’ dan il-bank, li kien jopera online biss, kien għamel ħoss mhux ħażin għax fost id-diretturi tiegħu kien hemm l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.

L-MFSA kienet ħadet passi kontra dan il-bank minħabba "nuqqasijiet regolatorji serji.”

Kienu s-sidien ta’ dan il-bank, Heikki Niemela u Mika Lehto, Nemea plc, Nevestor SA u Nemea Bank PLC li appellaw mis-sentenza tal-Bank Ċentrali Ewropew li rrevvoka l-liċenzja tal-bank tagħhom.

Fost oħrajn, qed jitolbu kumpens ta’ €10 miljun għad-danni li ġarrbu.

Skont l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit tal-Bank Ċentrali Ewropew, id-deċiżjoni dwar dan l-appell għadha “pendenti,” tant li fuq is-sit tal-MFSA, il-bank jidher li għadu attiv.

Dan ifisser li sena u seba’ xhur wara li l-Bank Ċentrali Ewropew irrevoka l-liċenzja, il-kumpanija għadha ma ġietx likwidata u kollox irid jistenna d-deċiżjoni finali tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Għalhekk, il-klijenti kollha li għandhom flus iddepożitati f’dan il-bank ukoll se jkollhom jistennew din id-deċiżjoni biex jieħdu lura flushom

More in Politika