'Il-Maltin jridu Unjoni Ewropea li tagħmel differenza f'ħajjithom'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jitkellem waqt il-kungress tal-Partit Popolari Ewropew f'Helsinki

Fid-diskors tiegħu waqt il-kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) f’Helsinki, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq fuq il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tibda titkellem u titratta aktar kwistjonijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-Maltin u ċ-ċittadini Ewropej.

“Jien nitkellem man-nies fit-toroq, fuq il-post tax-xogħol u fid-djar. Nista’ ngħid li wara dawn il-konverżazzjonijiet, jidher biċ-ċar li n-nies irridu Unjoni Ewropea li tagħmel differenza f’ħajjithom, “saħaq Delia.

Żied jgħid li, “ħafna Maltin ma jistgħux jifhmu kif żewġ pajjiżi stati membri jispiċċaw f’nofs inċident diplomatiku, fuq vapur jew dgħajsa mimlijin rġiel, nisa u tfal, li qegħdin jfittxu ħajja aħjar, bidu ġdid."

"Aħna nemmnu f’Unjoni Ewropea li tħares lejn l-immigrazzjoni bħala operazzjoni koordinata bejn l-istati membri kollha," saħaq Delia.

Apparti minn hekk, huwa sostna li l-Parit Nazzjonalista, m’huwiex se jieqaf milli jkompli jipproteġi s-saltna tad-dritt, demokrazija u l-libertà tal-espressjoni. “Bħal ma’ jħobb jgħid President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, l-Unjoni Ewropea hi mhux biss munita, iżda familja ta’ valuri," qal Delia.

Fl-aħħar nett, Delia appella lill-EPP biex jkun l-partit bil-valuri tal-onesta u devozzjoni lejn l-interess pubbliku, dan skontu bl-għan, “li fid-dawl ta’ populiżmu sfrenat, l-EPP jibqa’ l-għażla ta’ valur għall-Ewropej.”

More in Politika