‘Joqogħdu jsemmu l-ħalib u x-'shampoo'...aħna eluf tajniehom lill-familji’

Il-Baġit għadda u mar. Il-Ministru Edward Scicluna jitkellem mal-ILLUM dwar il-miżuri, il-viżjoni, l-Oppożizzjoni, David Casa, il-faqar, il-kirjiet, il-Bank Pilatus u dak l-imbierek shampoo....

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Il-Baġit. Eżerċizzju finanzjarju u ekonomiku ta’ kull sena li m’għadux iqajjem l-aspettativa li kien iqajjem fil-passat. Imma xorta, l-għada filgħodu jkunu ħafna li jistaqsu x’se jiggwadanjaw jew x’se jitilfu u s-settur illi fih jaħdmu x’direzzjoni qed jingħata. L-ILLUM tintervista lill-Ministru Edward Scicluna dwar il-Baġit li ħabbar nhar it-Tnejn li għadda.

Nibdew nistaqsuh jekk kienx hemm xi ħaġa differenti għalih, fis-sens ta’ preparazzjoni għall-Baġit.  “Kienet preparazzjoni aktar faċli, mhux daqstant stressanti, għax ta’ min ifakkar li l-Baġit mhux qisek ftaħt vit u daqshekk, fih ħafna xogħol,” jgħid Scicluna f’botta diretta lejn ċerti kummenti wara l-Baġit fuq xi mezzi tax-xandir.

“Aħna kellna ċerti miżuri li ġew quddiemna, miżuri li m’għamilnihomx għax ma nifilħux inħallsu għalihom,” kompla jgħid.  L-ILLUM tirrimarka illi bħalissa l-Gvern qed jinsisti li huwa l-aqwa żmien u anke li hawn ħafna flus fl-idejn.  Allura għax ma fetaħx iktar idejh?

Scicluna jfakkar li l-pajjiż jista’ jonfoq kemm jiflaħ u mhux iktar. “Aħna għamilna dak li stajna, bħalma wara kollox jagħmlu pajjiżi bħall-Istati Uniti wkoll, l-aktar pajjiż sinjur fid-dinja.”

‘Din li l-Baġit huwa bla viżjoni...hija l-aktar ħaġa vojta’

Nisfidah bil-kritika li qed taqbad art fost l-Oppożizzjoni u votanti tagħha, jiġifieri li dan il-Baġit kien nieqes mill-viżjoni għal li ġej. Scicluna kif jirreaġixxi?

“Is-suċċess tal-Baġit huwa meta jkun implimentat u jħalli r-riżultati, jiena nista’ niġġudika fuq il-Baġits li għamilt sa issa, jiġifieri sitta u r-riżultat tagħhom,” jibda jinsisti Scicluna.

“Din tal-viżjoni, bir-rispett kollu għal min jgħidha u jirrepetiha, hija l-aktar ħaġa vojta. M’għandniex viżjoni aħna? Dan il-Gvern tar-roadmap, dik ir-roadmap li għall-bidu ma twemmnitx għax kienu jgħidu li bħall-Greċja ħa jiġrilna u jkollna kjuwijiet tan-nies jistennew biex isibu xogħol.”

‘Nikkonverġu mal-UE fuq id-dħul medju..’

Scicluna mbagħad beda jispjega dik li hija l-viżjoni tal-Gvern Laburista fil-qasam ekonomiku. “Bir-rata ta’ tkabbir li konna biha taħt Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi, jiġifieri dik ta’ 1% jew 2%, il-konverġenza li dħalna  għaliha meta sirna membri tal-Unjoni Ewropea ma ntlaqħitx,” jinsisti. Il-Ministru tal-Finanzi qal lil din il-gazzetta illi l-konverġenza tfisser illi t-tkabbir fil-ġid ekonomiku li jinħoloq fil-pajjiż u allura d-dħul medju tal-ħaddiema jkunu l-istess bħall-aktar pajjiżi sinjuri tal-UE.”

Infakkru imma li għadna ’l bogħod minn din il-konverġenza b’ħafna nies li qed jaqilgħu xi €4.50 fis-siegħa.

Scicluna sostna li għalissa huwa kien qed jitkellem fuq id-dħul medju tal-pajjiż  u reġa’ rrepeta li biex id-dħul medju ta’ min jaħdem f’pajjiżna jiżdied jeħtieġ noħolqu ħafna aktar ġid milli konna noħolqu.

“Irridu jew ma rridux nikkonverġu mal-UE?” staqsa l-Minstru li qal illi dan il-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu  għax, “il-punt hu li rridu pajjiż li jkun l-ewwel fid-dinja.”  

L-aqwa żmien. U għat-80,000 f’riskju ta’ faqar?

Niġu għal firxa tal-ġid. L-aħħar statistika turi li għandna iktar minn 80,000 persuna li tinsab f’riskju ta’ faqar. Għal dawn mhuwiex l-aqwa żmien, nirrimarkalu.

Imma Scicluna huwa entużjast biex ifakkar illi kemm dawk f’riskju ta’ faqar u anke dawk li jinsabu deprivati materjalment naqsu fl-aħħar snin.

Fl-2012 20% tal-familji kienu fir-riskju ta’ faqar jew qed ibatu minn nuqqas materjali serju, dan issa niżel għal 8%. Vera mhux żero, imma minn 20% għal 8%

“Fl-2012 20% tal-familji kienu fir-riskju ta’ faqar jew qed ibatu minn nuqqas materjali serju, dan issa niżel għal 8%. Vera mhux żero, imma minn 20% għal 8% huwa tnaqqis sostanzjali. Jiġifieri f’kull Baġit qed inwaqqa’ l-ammont ta’ nies li jgħixu fil-faqar, li allura jfisser illi xi ħaġa tajba qed nagħmlu.”

Naqbżu fuq il-kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA). Il-kritika dejjiema taħt kull Gvern hija li din mhix biżejjed biex tkopri l-għoli tal-ħajja. Il-Gvern qed jippjana li jinbidel ir-Retail Prce Index (RPI) li jikkalkula kemm għandha togħla l-ħajja biex tirrifletti aktar ir-realtà?

3,500 persuna fuq il-paga minima bħalissa

Scicluna jibda billi jfakkar illi hu kien wieħed minn dawk in-nies li fis-snin 90 ħadmu biex inħolqot il-COLA. “Issa għaddew 27 sena u ħadd ma miss l-RPI.  Issa jekk  hemm min irid ibiddilha jistgħu jbiddlu wara li jkun hemm id-diskussjonijiet,”

“COLA jew le imma, il-paga minima qed nipproteġuha billi għamilna ftehim li ntlaħaq is-sena l-oħra  illi permezz tiegħu minflok inċaqalqu l-COLA, daħħalna fis-seħħ zieda ta’ €3 fil-ġimgħa u s-sena d-dieħla se terġa’ tingħata.” Din iż-żieda qed tingħata lil dawk kollha li ilhom fuq il-paga minima għal sena u li hija apparti ż-żieda fil-COLA, li jfisser illi minn Jannar iż-żieda għal dawk fuq il-paga minima se tkun ta’ €5.33.

Żvela kif f’pajjiżna bħalissa hawn 3,500 persuna bil-paga minima, bl-ammont jonqos hekk kif is-sena li għaddiet daħlet iż-żieda fil-paga minima. “Il-COLA hija deċiżjoni li tasal għandi mingħand l-MCESD u huwa dan li jgħidli kemm se tkun il-COLA u mhix deċiżjoni tal-Gvern. Issa għax il-Gvern jaf li hemm min għandu paga li mhix adegwata, nissuplimentawha b’żidiet.”

‘...aħna eluf tajna lill-familji, mhux ftit’

U hawnhekk Scicluna jagħmel elenku ta’ miżuri li ħa l-Gvern fosthom iż-żieda fiċ-children’s allowance, rifużjoni tat-taxxa mill-ġdid is-sena d-dieħla, “qed nerġgħu nżidu l-In Work Benefit biex illum koppja li taħdem se jkollhom benefiċċju ta’ €1,200 għal kull wild fis-sena u jekk persuna ma taħdimx nagħtuha €400 fis-sena għal kull wild. Imma mhux biss,” kompla jfakkar,”qed nagħtu s-servizz ta’ child care mingħajr ħlas u forsi saret tinstema’ clichè imma ara kemm qed niffrankaw flus lil dik il-familja. Issa qed noffru wkoll trasport għall-iskola mingħajr ħlas, biex faċilment qed niffrankaw lill-ġenituri mal-€2,100. Dawk mhux flus ukoll?”

“Jiġifieri joqogħdu jsemmu l-ħalib  u x-shampoo...aħna l-eluf nagħtuhom lill-familji, mhux il-ftit,” sostna Scicluna. Spjega kif dan il-Gvern dawwar is-sistema biex min jaqla’ l-inqas jieħu l-aktar fi tnaqqis tat-taxxi.

Dan jista’ jinżel għasel ma’ dawk li jaqilgħu l-inqas, imma li jaqilgħu aktar jew inkella dawk li jaħdmu għal rashom mhux neċessarjament se jieħdu pjaċir, se jgħidulu ‘mela aħna naħdmu l-aktar u l-inqas li ngawdu.’

“Żgur li dawk li jaħdmu għal rashom ma telqux minn taħt għajnejna. Għamilna miżura illi permezz tagħha għall-ewwel darba min ikollu negozju u jiddeċiedi li jieqaf jew inkella jkollu jieqaf, ikun jista’ jirreġistra u jieħu l-benefiċċji tal-qgħad. Dan apparti li sentejn ilu żidna b’mod qawwi il-‘leave’ tal-maternità ta’ dawk li jaħdmu għal rashom.”

‘Il-cowboys u l-kriminali dejjem issibhom...’

Indur fuq qasam partikolari, dak tal-Blockchain u l-cryptocurrency. Jibda billi jgħid illi din hija invenzjoni kbira u revoluzzjonarja. Spjega kif din is-sistema tneħħi l-bżonn ta’ intermedjarju f’tranżazzjoni finanzjarja, jiġifieri minflok il-banek.

Naturalment, nista’ nifhem illi tal-banek ma tantx huma entużjasti. Imma hemm inkwiet ikbar minn hekk, nirrimarka. Hemm il-biża’ li s-sistema mhix trasparenti biżżejjed u dan jista’ jkun riskju kbir wisq għal pajjiżna.

Scicluna jfakkar illi s’issa għadha ma kinitx irreġsitrata kumpanija waħda f’pajjiżna, minkejja l-aħbar illi Binance u kumpaniji oħrajn se jiftħu f’pajjiżna. Spjega kif f’Novembru se jibda l-proċess illi permezz tiegħu se jkun hemm diliġenza dovuta u se jgħaddu minn għarbiel biex ikun aċċertat x’tip ta’ kumpaniji se jiftħu f’pajjiżna.

Hu jgħid illi cowboys u l-kriminali dejjem issibhom, mhux f’din is-sistema biss. 

“Aħna konna innovattivi biżżejjed billi bnejna qafas legali. Jiġu nies fuqek minn New York li huma midħla tal-qasam u jfaħħru l-qafas legali li bnejna bħala pajjiż u illi permezz tiegħu ġbidna lil kulħadd  lejn Malta. Meta tkun l-ewwel f’xi ħaġa, bħalma konna aħna, tkun rikoxxut bħala pajjiż b’mentalità modernissima.”

‘Kampanja organizzata...qed tagħmel ħsara kbira lil Malta’

Bdejna resqin lejn it-tmiem tal-intervista. Semma x’qalulu f’New York u kemm faħħruna u jiena nfakkru x’kien qal hu stess meta kien f’taxi fl-Amerka ta’ Isfel dwar Malta u l-korruzzjoni.  

Inti ġejt taħt kritika ħarxa, infakkru. “Jiena m’għidtx hekk dwar tat-taxi. Jiena xi ħadd qalli hekk dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta. Kulħadd huwa suġġettivament kontra Malta u teżisti nuqqas ta’ fiduċja lejna u minkejja li l-fatti juru mod ieħor, id-dehra ta’ pajjiżna xorta saret negattiva.”

Imma l-għerq kollu huwa l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. X’ippretenda l-Ministru li ħadd ma jitkellem dwar traġedja daqstant kbira?

“Iva, il-mewt ikkumplikat is-sitwazzjoni, imma ma ninsewx li sal-elezzjoni kellek allegazzjonijiet serjissimi illi mart il-Prim Ministru kienet qed tirċievi flus mill-Ażerbajġan. Issa l-inkjesta mhux ma sabitx evidenza biżżejjed għax il-Pulizija m’għamlux xogħolhom,” sostna l-Ministru, “imma kellek każ illi xi ħadd prova jiffalsifika dokumenti u xhida u issa anke libelli qed jintrebbħu,” jgħid f’referenza għal-libell li rebaħ iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-PM Keith Schembri nhar il-Ġimgħa.

Li jiġri huwa li jkun hemm huwa ġurnalist/a jew tnejn li jkunu parti minn din ix-xibka. Dawn is-soltu jinvestigaw, imma minflok jirrappurtaw l-istorja tal-istess nies, mill-istess angolu. Imorru biss fuq nies bħal Manuel Delia u Jason Azzopard

“Il-kontenut tal-istorja kien dar id-dinja u ppenetra sew il-midja permezz ta’ kampanja organizzata ħafna grazzi għal xibka illi nbniet mill-każ tal-Panama Papers. Jiena saħansitra kont mort għand in-New York Times u tkellimt mal-Edituri. Li jiġri huwa li jkun hemm huwa ġurnalist/a jew tnejn li jkunu parti minn din ix-xibka. Dawn is-soltu jinvestigaw, imma minflok jirrappurtaw l-istorja tal-istess nies, mill-istess angolu. Imorru biss fuq nies bħal Manuel Delia u Jason Azzopardi, pereżempju.” Jinsisti li din hija xibka għalkemm ma jafx min qed jiffinanzjaha.

Hu spjega kif issa l-ħsara li kellha ssir saret u semma l-eżempju tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) li sostna illi ġiet Malta tinvestiga għaliex irċiviet ittra mingħand “David Casa u sħabu illi fiha qalu li għandha tkun investigata l-FIAU għax fil-Bank Pilatus għaddej ħasil ta’ flus bl-addoċċ.” 

Hu rrimarka illi minkejja li l-EBA ġew Malta sa issa għadhom ma sabu ebda ħasil ta’ flus iżda, sostna, sabu nuqqasijiet proċedurali.

Insemmilu każijiet oħrajn li għadhom quddiem il-Qorti, inkluż kontra l-Prim Ministru u nies qrib tiegħu. Iżda Scicluna jgħid illi għalissa ma nistgħux nitkellmu ħlief fuq waħda, jiġifieri fuq Egrant.

“Ma jfissirx li l-oħrajn bilfors se jkunu l-istess imma ta’ Egrant dijabolika kienet, biex tasal tagħmel kalunja daqshekk goffa.”

Huwa sostna li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista llum minn kollox għadha qed tagħmel biex tinflwenza entitajiet indipendenti u jsemmi l-pressjoni li jgħid illi qed issir fuq il-Moneyval mill-MEP David Casa. Scicluna jakkuża lil Casa b’irresponsabilità.

U fl-aħħar ftit tal-intervista nitkellmu dwar l-akkomodazzjoni soċjali. Jgħid illi hu jħoss li l-White Paper li ħabbar il-Gvern u li titratta l-kirjiet privati qed tirregolarizza dak li mhux regolat. Jgħid ukoll illi l-Gvern se jħabbar kif se jaħdem is-sussidju l-ġdid, filwaqt li indika li kirja ma tistax tkun ogħla minn madwar terz ta’ kemm il-persuna jew familja għandha dħul.

Dak li ppreżenta nhar it-Tnejn li għadda kien is-seba’ Baġit ta’ Edward Scicluna fil-kariga tiegħu ta’ Ministru tal-Finanzi.

‘Ninsab kuntent u mhux qed inħares fit-tul...’

Lejn l-aħħar tal-intervista l-gazzetta ILLUM staqsietu jekk hux beħsiebu jibqa’ fil-kariga u kemm-il Baġit għad irridu naraw preżentat minnu. B’xi ftit ta’ sorpiża għal din il-gazzetta stess, din  il-mistoqsija kienet milqugħa minn mumenti ta’ silenzju u tbissima.

Ftit wara iżda Scicluna sostna li jibqax jew le jiddependi minn ħafna affarijiet fosthom is-saħħa, “imma bħalissa ninsab kuntent u jien ma nħarisx daqstant fit-tul.”

Kieku l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu joffrilu kariga oħra imma, lil hinn minn dak li għandu illum, jaċċetta? “Sta għall-Prim Ministru biex jiddeċiedi. Jiena neħodha kif tiġi u għalkemm kuntent b’li qed nagħmel meta ġew opportunitajiet ikkonsultajt mal-familja u mxejt ’il quddiem.”

More in Politika