Intervista | Fittixna li niksbu suq stabbli, prevedibbli u trasparenti

L-ILLUM titlaqa' ma' Kurt Scerri wieħed mill-imħuħ wara l-White Paper tal-kirjiet

Kif żvelat il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li għadda din il-ġimgħa kienet ippubblikata l-White Paper li titratta l-kirjiet privati. White Paper illi hija frott il-fatt illi fl-aħħar snin, minħabba domanda qawwija grazzi għal ekonomija li qed toħloq ħafna impjiegi, il-kirjiet litteralment splodew fil-valur. Iż-żidiet kienu fenominali u f’ċerti każi l-kirjiet għolew b’madwar 100% jew aktar.

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-moħħ wara din il-White Paper. Kurt Xerri, li mhux biss kien fuq quddiem fit-tfassil ta’ dan id-dokument importanti iżda huwa wieħed mill-ftit nies ikkwalifikati fis-suġġett tal-akkomodazzjoni f’pajjiżna.

Settur li qed jikber irid ikun regolat

Nibdew b’mistoqsija aktar ġenerali. X’kien l-iskop tal-White Paper? Uħud jgħidu li hawnhekk qed nitkellmu fuq numru żgħir ta’ nies, allura ma kellniex bżonn nagħmlu dokument.

“Id-deċiżjoni tal-Gvern li jintervjeni kien minħabba li l-ekonomija Maltija għaddejja minn trasformazzjoni u allura s-settur tal-akkomodazzjoni għaddej minn trasformazzjoni wkoll. Jekk tmur barra l-pajjiż issib li r-rata ta’ nies li jgħixu f’kirja hija ħafna ogħla minn Malta u f’pajjiżna issa hekk beda jiġri,” isostni Xerri.

“Meta settur jikber bħalma qed jikber dan is-settur, huwa importanti li jkun regolat. Allura aħna x’fittixna? Fittixna li niksbu suq aktar stabbli, aktar prevedibbli u trasparenti għaż-żewġ partijiet, għax jekk se jiggwadanja s-sid, se jiggwadanja l-inkwilin ukoll.”

Inkwilini; mill-klassi medja wkoll

Xerri fakkar illi t-tim li kien qed jippjana d-dokument li kien ippubblikat nhar it-Tnejn ta ħarsa lejn in-nies li qed jikru, min huma, mil-liema sfond ġejjin u aktar fatturi biex jifhmu aħjar min huma dawk in-nies li għalihom hija primarjament indirizzata din il-White Paper. 

“Sibna li l-inkwilini llum m’għadhomx neċessarjament nies bi dħul baxx, imma jista’ jkun li qed inħarsu lejn nies bi dħul medju.”

Nitsaqsih jagħtini eżempji. Jibda billi jfakkar illi hemm realtajiet differenti soċjali llum, pereżempju żgħażagħ ‘single’ li qed ifittxu biex jixtru qed isibuha aktar diffiċli biex jaċċessaw is-suq tal-proprjetà.

“Apparti dan, kellna influss ta’ barranin, li huma neċessarji biex jikber dan is-settur.” Xerri jammetti li fil-fatt kienu l-barranin l-aktar li żiedu d-domanda, “imma mhux biss.”

“Hemm realtajiet soċjali. Illum ħafna iktar nies qed jisseparaw. Jekk ikollok 40 sena meta tissepara u minkejja li tkun ħadt sehemek mill-assi mhux neċessarjament se jkollok biżżejjed biex tixtri propjetà,” sostna Xerri. Dan apparti li biex tieħu self mill-bank meta jkollok 40 sena u meta tkun persuna single, diġà huwa diffiċli. “Dawn ikollhom jirrikorru għall-kirjiet, allura,” sostna Xerri.

Jgħid li għad-domanda jrid ikun hemm il-forniment neċessarju. Nirrimarkalu imma illi fornimet diġà hemm, tant li kulħadd jilmenta li kullimkien qed jitilgħu blokok ta’ appartamenti.

Xerri iżda jgħid li ħafna mill-proprjetà li qed toħroġ fis-suq hija wisq għolja għal diversi persuni li jixtiequ jikru. Fil-fatt ta’ min wieħed jiftaħ parentesi hawnhekk u jfakkar illi biss, biss fiż-żona ta’ Tas-Sliema/San Ġiljan/Swieqi u anke Pembroke issa sar kważi impossibbli li ssib kirjiet li jkunu taħt is-€700 fix-xahar.

Akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli; għadha nieqsa

 “Għandna saff li huwa nieqes,” jirrimarka, “għax għandek l-akkomodazzjoni tal-Gvern, imbagħad għandek is-suq tal-proprjetà li qed isir inqas aċċessibbli.”  Xerri jispjega kif għalhekk bejn dawn it-tnejn jeħtieġ jidħol settur ieħor, jiġifieri s-settur tal-akkomodazzjoni bi prezz li jintlaħaq. Biex isir dan hu jinsisti li għandhom jittieħdu inizjattivi bejn il-Gvern u l-privat permezz ta’ Public Private Partnership (PPP).

Hu jagħti eżempju partikolari li permezz tiegħu l-istat jagħti art pubblika lil kuntrattur illi fuqha jibni appartamenti li jinbiegħu bi prezzijiet raġonevoli jew jinkrew b’kirja li hija iktar baxxa. B’hekk il-kuntrattur ikun ħa art pubblika u ngħata ċans li jagħmel profitt li iżda jkun aktar ‘limitat’.

“Hemm interess,” jinsisti Xerri għaċ-ċiniżmu tal-ILLUM.

Din il-gazzetta hija infurmata li l-Malta Developers’ Association (MDA), imma mhux biss, ma tantx kienu entużjasti dwar din il-White Paper. Nistaqsi lil Xerri x’kienet ir-relazzjoni bejn it-tim li mexxa u l-MDA. Diplomatiku bħal dejjem Xerri jgħid illi mal-MDA ltqagħu minn tal-inqas tliet darbiet, bħala stakeholders importanti f’din il-kwistjoni.

“Ma qbilniex fuq kollox, però kien hemm ċerti punti tal-MDA li għenuna niżviluppaw aħjar il-White Paper.”

Spjega kif it-tim fis-Segretarjat ta’ Roderick Galdes, sema’ lil kulħadd u “min ma qabilx ma’ punt, smajna u konna lesti li nbiddlu basta jkun hemm raġuni ġustifikata għal tibdil u titjib. Fejn kien hemm bżonn żviluppajna iktar il-proposti.”

‘Qabel niddeċiedu rridu nisimgħu...’

F’dan il-punt nirrimarka kif it-tim li ħejja dan id-dokument  iltaqa’ ma’ lista twila ta’ għaqdiet  u individwi li lkoll taw is-sehem tagħhom għal dan id-dokument. Allura Xerri ma jħossx li meta tqis kemm kienet vasta l-konsultazzjoni, il-White Paper kellha tkun inqas vaga? Pereżempju,  tagħmel aċċenn fuq il-bżonn li jkun introdott perjodu minimu għal kuntratti, jiġifieri li kuntratt ma jistax ikun iqsar mill-perjodu li jkun stabbilit. Xerri ma jħossx li kellha tingħata indikazzjoni ta’ kemm il-Gvern jemmen li għandu jkun dan il-perjodu?

“Le, dak hu eżatt li ma ridniex nagħmlu,” sostna mill-ewwel Xerri. “Ma ridniex li l-Gvern joħroġ u jistipula t-tul tal-perjodu tal-kiri. Qabel niddeċiedu x’inhu t-tul tal-kuntratt, irrid nara pereżempju x’se jgħidu s-sidien...”

Ninterrompih u nirrimarkalu li s-sidien se jgħidu li m’għandu jkun hemm perjodu minimu xejn jew inkella jaċċettaw li l-perjodu minimu għandu jkun ta’ sena, li apparti li mhux żmien twil huwa bejn wieħed u ieħor huwa wkoll il-perjodu normali ta’ kirja fuq żmien twil (long let) bħalissa. Allura x’se jinbidel?

Jekk tmur barra l-pajjiż issib li r-rata ta’ nies li jgħixu f’kirja hija ħafna ogħla minn Malta u f’pajjiżna issa hekk beda jiġri

“L-ipoteżi illi l-perjodu jkun ta’ sena diġà huwa titjib għax aħna sibna sitwazzjonijiet ta’ min qed jikri sitt xhur, sitt xhur. Li qed jiġri huwa li l-problemi qed jintensifikaw meta jibda riesaq is-sajf u allura d-domanda tibda tiżdied. Fil-każ ta’ sena diġà qed ittejjeb.”

Huwa ammetta li għad hawn biża’ minn intervent mill-istat minħabba li fil-passat u sal-lum jew kien hemm intervent li ta’ benefiċċju assolut lill-inkwilin u għamel inġustizzja mas-sid jew inkella ma sar xejn u s-settur tħalla jaħdem waħdu, bl-abbuż kollu li seta’ sar.

Nistaqsih il-kirjiet anitiki hux se jkunu koperti bir-risposta tkun fin-negattiv. Kif aċċerta wkoll li jekk issir liġi din ma tkunx qed taħdem bir-retroattiv imma tkun tirrigwarda kuntratti li jsiru wara li tidħol fis-seħħ il-liġi.

 Insemmilu każ li taf bih din il-gazzetta b’persuni residenti fil-Belt Valletta li kapaċi jiġu mitfugħin ’il barra minn fejn jgħixu minħabba li s-sid irid jiżviluppa l-blokka f’negozju. “Dak li qed nagħmlu jfisser illi jekk persuna għal xi raġuni tkun żgumbrat mill-proprjetà fejn qed tgħix, bħal dawn in-nies li qed issemmi, se jsibu settur tal-kiri li għall-inqas itihom stabbilità fuq terminu medju.”

Id-depożitu fil-kuntratt bl-inventarju

L-intervista ddur għal ftit fuq il-kwistjoni tad-depożitu, jew il-flus li jingħataw lis-sid malli jkun iffirmat il-kuntratt, liema flus ikunu rritornati ladarba jispiċċa l-kuntratt u ladarba l-proprjetà tingħata lura fl-istat illi ngħatat. Hawnhekk saru u smajna b’ħafna każi ta’ abbuż, b’depożitu li qatt ma jingħata lura fuq raġunijiet li mhux dejjem ikunu ġusti.

Bil-White Paper is-sitwazzjoni se tinbidel u fejn hemm jew isir l-abbuż l-inkwilin jista’ jisfida. Dan għaliex, jispjega Xerri, din ir-riforma se tesiġi li kull kuntratt ikun irreġistrat bid-depożitu jkun iddikjarat fil-kuntratt. “Issa mal-kuntratt irid isir inventarju bir-ritratti ħalli jekk tinqala’ kwistjoni tmur quddiem bord tal-arbitraġġ jew inkella ‘Alternative Dispute Resolution’ u tittieħed deċiżjoni.

Insemmilu każ li wasal għandi wkoll ta’ sid li qata’ d-dawl u l-ilma tal-inkwilin minħabba argument bejn it-tnejn. Hawnhekk ukoll Xerri joffri raġġ ta’ dawl u jgħid illi l-White Paper qed tgħid li mal-kuntratt persuna trid tippreżenta l-Formola H tal-ARMS li turi kemm il-resident hemm jgħixu fil-proprjetà mikrija u Formola N illi permezz tagħha l-inkwilin ikun jaf kemm qed jikkonsma dawl u ilma.

‘Din hija kwistjoni ta’ trasparenza,’ sostna Xerri.

Sussidji li jirriflettu d-dħul u l-kirja

Intant għada l-Baġit. Minkejja li Xerri ma setax jgħidilna x’se jħabbar il-Ministru Scicluna, il-White Paper innifisha ssemmi l-bżonn li s-sussidji jkunu ttestjati skont il-mezzi ta’ persuna.

Nistaqsi x’se tbiddel eżatt din. “Il-problema tas-sussidju hija li l-Gvern kien qed iroxx l-għajnuna f’settur li mhux irregolarizzat. Is-sistema ta’ sussidju kif se ssir issa se tkun aktar effiċjenti; se mmorru għal sistema li tieħu f’kusiderazzjoni d-dħul ta’ familja u l-prezz reali tas-suq u permezz ta’ hekk noħolqu  standards li naqblu fuqhom.”

Ma qbilniex fuq kollox, però kien hemm ċerti punti tal-MDA li għenuna niżviluppaw aħjar il-White Paper

Hu sostna li wieħed jrid jikkunsidra kemm persuna qed toħroġ f’kera u sostna li fl-istudji tat-tim saħansitra ltaqgħu ma’ persuni li qed iħallsu 55% mill-paga f’kirja. “Il-prinċipju huwa li persuna ma tħallasx aktar milli tiflaħ, li naġevolaha biex tgħix diċenti.”

Is-susssidji għal dawk li jikru kienu miżjudin f’baġits li ppreżenta l-Gvern bl-għan li tingħata aktar għajnuna. Sfortunatament iż-żieda fis-sussidju kienu parti mir-raġuni għaliex għolew il-kirjiet.

Xerri u l-proposta ta’ Yana Mintoff

Infakkar lil Xerri f’Mejju 2015 meta dakinhar f’rapport fuq il-faċċata din il-gazzetta kienet irrapportat bi prominenza proposta ta’ Yana Mintoff għal regolazzjoni fuq il-prezz tal-kirjiet. Mintoff kienet ipproponiet illi l-kirjiet ma jkunux jistgħu jogħlew b’aktar minn 5% tal-medja f’dik iż-żona għal ammont ta’ snin.

Dan ifisser li jekk f’żona partikolari l-kirja medja hija ta’ €100 kull xahar (bħala eżempju), sid il-post ma jistax jitlob aktar minn €105. Mintoff ipproponiet ukoll li dan il-massimu jkun rivedut kull numru ta’ snin.

Hu ma kienx oppona din il-proposta, nirrimarkalu. “Dak iż-żmien kienu diġà bdew jidhru s-sinjali li l-kirjiet se jogħlew ħafna u min kien attent bħalma kienet Yana Mintoff, Johanna Axisa MacRae, Joseph Bartolo u l-mibki Charles Miceli, induna u tkellem.”

“Yana kienet qalet li l-istat irid jintervjeni u jirregola l-prezzijiet. Jiena kont naqbel magħha fis-sens li l-istat jeħtieġ jintervjeni. Ma ninsewx il-punt minn fejn tlaqna. Tlaqna minn punt fejn ħafna ħassew li l-Gvern lanqas biss jista’ jintervjeni. Jiena kont għidt li l-istat jista’ jintervjeni mingħajr ma jmiss il-prezz... fil-fatt ħafna nies li rreaġixxew għall-artiklu tal-gazzetta ILLUM dwar Yana Mintoff tkellmu fir-rigward ta’ friżar tal-prezzijiet. La Yana Mintoff u lanqas jien, qatt ma tkellimna dwar iffriżar tal-Gvern.”

“Jiena dejjem emmint li għandna nirregolaw mingħajr ma mmissu l-prezzijiet u dwar dan jiena kont dejjem konsistenti.”

“Illum inkwilin m’għandux rimedju, imma b’din il-White Paper se jkun jista’ jitla’ quddiem il-Qorti u aħna ngħinuh billi nressqu evidenza u bħala rimedju l-inkwilin jista’ jitlob lill-Qorti li ż-żewġ partijiet jidħlu f’kuntratt.”

Se jkun hemm ukoll Blacklist

Xerri sostna li qed ikun propost li jinħoloq dipartiment ġdid fil-akkomodazzjoni tal-Gvern, li se jipprovdi punt ta’ referenza għall-inkwilini. “Jekk sid, tinqata’ kważa kontrih jew ma jiddefendix ruħu f’kawża ma’ inkwilin jidħol fil-blacklist u l-istess fuq l-inkwilin. Id-dipartiment se jagħmel moniteraġġ ta’ min jikser il-kuntratt.” Hu ċċara li l-blacklist mhix se tkun miftuħa għall-pubbliku.

Intant f’dak li jirrigwarda kuntratt li jitwaqqa’, il-White Paper tgħid li s-sid irid jinforma lill-inkwilin bil-ħsieb li ma jerġax iġedded il-kuntratt, fi żmien xieraq biżżejjed. Nistaqsih ikun aktar speċifiku u jgħid xi tfisser eżatt ‘xieraq biżżejjed’. Huwa ma jiċċarax bi żmien eżatt, imma jgħid li s-sid għandu javża fi żmien biżżejjed biex l-inkwilin isib post ieħor fejn ikun jista’ jgħix.

‘Biex tkun aġent tal-proprjetà m’għandekx bżonn kwalifiċi’

Intant wasalna lejn tmiem l-intervista. U fl-aħħar insemmi l-aġenti tal-proprjetà u l-aġenziji li bħalissa għaddejjin minn perjodu tajjeb ħafna f’termini ta’ negozju. Minkejja dan, il-White Paper biex ikun regolarizzat dan is-settur baqgħet qatt ma rat id-dawl tax-xemx. Tinkwetah din il-biċċa xogħol Xerri?

Hu jwieġeb billi jibda b’mistoqsija; “x’garanziji qed jagħtu l-aġenziji f’dan is-settur? Jien ngħid li ftit...”

Jiena dejjem emmint li għandna nirregolaw mingħajr ma mmissu l-prezzijiet u dwar dan jiena kont dejjem konsistenti

“L-ewwel nett m’għandek bżonn ebda tip ta’ kwalifiċi, meta f’pajjiżi oħrajn fejn is-settur huwa strutturat għandek l-obblibu li aġent isegwi kors ta’ tliet snin. Iva, xi ħaġa kbira li qed nitolbu illi aġent ikollu mqar diploma?”

Hu sostna illi hemm problema oħra; l-infurzar. “Lili bħala avukat, jekk xi ħadd jirrappurtani lill-Kummissjoni għall-Aministrazzjoni tal-Ġustizzja jistgħu jeħduli l-warrant. Fil-każ tal-aġenti, xejn.

“Hemm ħames klawlsoli legali prinċipali f’kull kuntratt; l-indirizz, l-iskop tal-kirja, l-ammont tal-kera, il-perjodu u jekk il-perjodu jistax ikun imġedded. Jafu li dawn huma rekwiżiti legali u x’garanzija għandna li jafu?”

Il-proċess ta’ konsultazzjoni jagħlaq fl-aħħar ta’ Novembru u sa dakinhar ikomplu deħlin l-ideat u l-proposti.

Wasalna nofs triq u Xerri huwa pożittiv li se naslu sal-aħħar tat-triq biex wara tliet snin ta’ diskussjoni u rappurtaġġ fuq il-midja, b’mod speċjali fuq din il-gazzetta, il-Gvern iressaq liġi li tagħti ftit soljev lil dawk li qed ibatu u li mhux qed ilaħħqu minħabba l-kirjiet.

More in Politika