Deidun se jqajjem l-kwistjoni tal-mulett mejjet mal-ibħra ta' Birżebbuġa fil-Bord tal-ERA

Deidun sostna li hemm żewġ teoriji: Jew wisq ikel mill-'fish farms' jew likwidu tossiku fil-baħar...

Ftit mill-ħut li nstab mejjet mal-baħar...
Ftit mill-ħut li nstab mejjet mal-baħar...

Il-Professur Alan Deidun mistenni jqajjem il-kwistjoni ta' ħut mejjet li qed jittella' mal-ibħra ta' Birżebbuġa quddiem il-Bord tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u Riżorsi (ERA). Fil-fatt kienu residenti minn Birżebbuġa stess illi għamlu kuntatt ma' Deidun u sostnew illi xi ħadd jeħtieġ li jara eżattament x'inhu jiġri u għalfejn qed jitla' ammont ta' mulett mejjet mal-mewġ tal-baħar. 

Din il-gazzetta għamlet kuntatt ma' Deidun li sostna illi hemm żewġ teoriji dwar dak li qed jiġri. "Hemm min qed jgħid illi minħabba l-fish farms fil-viċin l-ħut qed jiekol ħafna minn dak li joħroġ mill-fish farms u allura dan qed iwassal għal numru ta' mwiet, minħabba li l-ħut qed jiekol iżżejjed. Inkella hemm it-teorija li dawn qed imutu minħabba li hemm xi tip ta' liwkwidu tossiku jew velenuż fil-baħar. Din iżda hija naqra stramba għaliex kieku hemm xi ħaġa tossika jew velenuża fil-baħar ma jkunx il-mulett biss li jmut." 

Deidun għamilha ċara illi għax se jtella' l-kwistjoni quddiem l-ERA ma jfissirx illi l-kwistjoni se tkun solvuta quddiem din l-awtorità partikolari, imma dan għandu jkun l-ewwel pass biex isiru l-istudji neċessarji biex tkun ċara l-problema li qed twassal għal dan il-ħut mejjet. 

Deidun qal li r-residenti fissrulu kif din is-sitwazzjoni ilha tiġri għal bejn wieħed u ieħor l-aħħar ħames snin, bid-Dipartiment tat-tindif ineħħi l-ħut mejjet kmieni filgħodu qabel l-għawwiema jinżlu fil-bajja. 

More in Politika