'L-UE għandha bżonn rilokazzjoni mandatorja tal-immigranti'

Il-Ministru Helena Dalli appellat lill-istati membri biex mill-kliem jgħaddu għall-fatti

Il-Ministru għall-Affarjiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn rilokazzjoni mandatorja tal-immigranti bil-għan li s-sistema tkun waħda effettiva, u mhux volontarja.

Hija qalet dan waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-Affarijiet Ġenerali hekk kif għaddejin taħdidiet dwar ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil.   

Il-Ministru saħqet li mill-kliem il-pajjiżi jridu jgħaddu għall-fatti, u dan b’soluzzjonijiet sostenibbli li primarjament għandhom jiffokaw fuq il-pajjiżi tal-oriġini.

Saħqet li għalxejn inkabbru l-gwardja tal-kosta b’għaxart elef impjegat jekk mhux se ngħinu lill-kontinent Afrikan jilħaq l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tiegħu.

“B’hekk biss nistgħu nindirizzaw din il-kriżi umana; kriżi li teħtieġ soluzzjoni komuni u mhux sporadika,” kompliet Dalli.

Aktar tard komplew id-diskussjonijiet dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jiskatta fis-sena 2021 u jwassal sal-2027.

Waqt li qablet mal-ħsieb li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tattira l-aqwa mħuħ biex tkun ċentru ta’ eċċellenza għar-riċerka, l-Ministru Helena Dalli qalet li dan m’għandux jimmina lill-istati membri milli jibbenefikaw minn programmi ta’ fondi Ewropej għar-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet tagħhom.

Innotat li madwar nofs l-istati membri ħadu biss inqas minn 5% mill-fondi allokati għall-programm Horizon 2020.

Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-Affarjiet Ġenerali ġew diskussi ukoll l-aħħar żviluppi dwar Brexit.

More in Politika