'Spiċċajt arma kontrija u l-partit li jmexxi żewġek'

Botta u risposta bejn Pierre Portelli u Nickie Vella de Fremeaux dwar is-serje 'Fattigi'

Nickie Vella de Fremeaux, mart il-Kap tal-Oppożizzjoni, fetħet il-kanuni fuq is-serje ‘Fattigi,’ li qed titella’ mill-kumpanija Watermelon Media li kienet ta' Pierre Portelli, wieħed mill-aktar persuni viċin Adrian Delia.

Fuq post twil fuq Facebook, Vella de Fremaux tispjega kif is-serje inkitbet mill-ħabib tagħha Sandro Vella u tisħaq li ‘insterqet’ u qed tidher fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista.

Immedjata kienet it-tweġiba tal-istess Portelli li qalilha li ma tafx il-verità kollha dwar dan il-każ u li bellgħulha l-gideb. Portelli, dejjem insista li ma għad għandu x’jaqsam xejn mal-kumpanija u li qed tmexxiha martu.

X'qalet Vella de Fremeaux?

Wara li spjegat kif is-serje 'insterqet' mill-awtur vera tagħha, Nickie Vella de Fremeaux ikkwotat il-liġi tal-Copyright u fakkret li din magħha ġġorr piena massima ta’ ħabs ta’ tliet snin u multa ta’€11,646.

Insistiet li huwa illegali li tneħħi l-isem tal-veru awtur u minflok tpoġġi isem ta’ "impustur." 

“Hekk ġara f’dan il-każ,” kompliet tikteb.

Saħqet li ż-żewġ persuni involuti huma ħbieb tagħha u qed tħeġġiġhom biex ipoġġu madwar medja u jitkellmnu mal-avukati tagħhom biex isolvu l-kwistjoni.

Madanakollu qalet li l-ġurnalisti biex jinvestigaw kif Vella spiċċa misruq mill-proprjetà u d-drittijiet tiegħu u saħqet li ma ħax passi kontra “min serqu” sempliċiment għax ma għandux flus.

Pierre Portelli jweġibha...

Immedjatament weġibha Pierre Portelli u qalilha: “ma għandekx idea tad-dettalji ta’ dan l-episodju tad-dwejjaq f’ħajti. Bellgħulek il-gideb u ma kellekx ċans biex tisma’ n-naħa l-oħra tal-istorja. Ma għandekx idea ta’ dak li għaddejna minnu jiena u marti minħabba dan ir-raġel.”

Kompla jgħidilha li hu rrifjuta li jitkellem fil-pubbliku dwar dan iżda “inti ħallejt lilek innifsek tintuża bħala arma kontrija, il-familja tiegħi, Media.Link, il-cast u l-crew tas-serje u kontra l-partit li r-raġel tiegħek imexxi,” kompla Portelli.

“Il-verità se tirrenja u l-ġustizzja se ssir,” temm jgħid Portelli.

 

More in Politika