Azzopardi jistaqsi jekk il-Gvern hux se jwieġeb dwar allegazzjonijiet ġodda fuq Chris Cardona

  • La Repubblica qalet li Chris Cardona kien attenda 'bachelor's party' fejn kien hemm George Degiorgio
  • Tgħid ukoll li suspettat li dwaru kitbet Daphne kien ċempel lil Cardona u lil Degiorgio ftit wara li ċempel lill-ġurnalista

 

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi talab lill-Gvern iwieġeb għal allegazzjonijiet ippubblikati fuq La Repubblica fejn intqal li raġel, li kien suspettat li kien involut fit-traffikar tal-fuel u li dwaru kienet kitbet Daphne Caruana Galizia, kien ċempel lill-Ministru Chris Cardona u lil George Degiorgio, ftit wara li kien ċempel lill-istess ġurnalista biex jiċċara dak li kienet allegat fuqu.

It-telefonata, li semmiet La Repubblica, seħħet madwar sena qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

George Degiorgio huwa wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Caruana Galizia u aktar kmieni din is-sena, il-Proġett Daphne, li La Repubblica hija parti minnu, kien 'żvela' li kien deher jixrob mal-Ministru Chris Cardona f’bar fis-Siġġiewi madwar xahar wara l-assassinju.

Dakinhar li ħareġ dak ir-rapport, Cardona kien qal lill-Proġett Daphne li ma jiftakarx li qatt kellu konverżazzjoni ma’ wieħed mill-akkużati.

Cardona kien fl-istess bachelor's li fih kien hemm Degiorgio

Apparti minn hekk, l-istess ġurnal qal ukoll li skont żewġ xhieda, fid-29 Ġunju tal-2017, Chris Cardona u anke George Degiorgio kienu mistiedna għal Bachelor’s Party li sar f’villa fil-Fawwara u li għaliha kien hemm mistiedna madwar 40 persuna.

Dwar dan, kelliem għall-Ministru Cardona kien ikkwotat jgħid li ma jħossux obbligat jispjega għalfejn Cardona kien għal dan il-festin u insista li hemm kwistjonijiet importanti oħra li għandu jindirizza u ma għandux ħin biex iwieġeb għal ‘ġurnaliżmu sensazzjonali.'

Fost affarijiet oħra, La Repubblica qalet li l-bomba li qatlet lil Caruana Galizia nħadmet f’garaxx iffrekwentat ħafna minn tlett irġiel, li skont il-ġurnal huma involuti fi traffikar bejn Malta, Sqallija u l-Albanija.

Ir-rapport ikompli jgħid, li dawn it-tliet persuni kienu fost grupp ta’ rġiel li ġew arrestati dakinhar stess li nqabdu George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat. Dawn l-irġiel, eskluż l-aħwa Degiorgio u Muscat, kienu nħelsu mill-Pulizija ftit wara.

Chris Cardona kemm-il darba spiċċa fil-mira ta' Caruana Galizia fosthom meta allegat li flimkien mal-konsulent tiegħu Joe Gerada kienu marru f'burdell waqt żjara uffiċjali fil-Ġermanja.

Dwar dan l-istess Cardona kien fetaħ libell u talab lill-Qorti biex tiffriża l-assi kollha tal-ġurnalista.

Il-libell kien waqa' fuq talba tal-familja Caruana Galizia wara li Cardona ma kienx deher biex jixhed għal diversi seduti.

Cardona kien tilef iċ-ċans li jerġa' jiftaħ il-libelli.

Il-ġimgħa li għaddiet, anke l-Konsulent tiegħu waqqa' l-libelli. Dan ifisser li l-call logs li jinsabu f'idejn il-Maġistrat u li setgħu tefgħu dawl fuq fejn kienu Cardona u Gerada, se jibqgħu mhux magħrufa u l-każ Acapulco jibqa' biss allegazzjoni.

'It-Times stess qalet illi m'hemmx evidenza ta' rabta bejni u l-qtil ta' Daphne'

Intant fi stqarrija Cardona sostna li għal darb’oħra, f’dawn l-aħħar sigħat, ċertu mezzi tax-xandir "ippubblikaw diversi allegazzjonijiet fil-konfront tiegħi li huma spekulattivi u li jgħawġu l-fatti, sabiex jibnu narrattiva partikolari li qed jippruvaw b’mod persistenti jimbuttaw.

"Fil-fatt, it-Times of Malta tiddikjara b’mod ċar li:“ Skond sors mgħarraf dwar l-inkjesta magisterjali, m’hemm l-ebda evidenza li torbot lil Dr Cardona mal-qtil, jew kwalunkwe mġiba ħażina," sostna l-Ministru Cardona. 

"Dawn l-allegazzjonijiet huma serji mmens, ta’ dannu kbir, u fuq kollox foloz. L-istejjer tal-media ppubblikati llum iħallu barra l-fatt li jien, bil-volonta tiegħi stess, mort għand il-Pulizija ta’ Malta u tajt stqarrija lill-prosekutur ewlieni. Offrejt ukoll id-disponibbiltà tiegħi lill-awtoritajiet biex niċċara kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-allegazzjonijiet magħmula."

Cardona temm jinsisti li jekk il-media jkollha xi informazzjoni relevanti li tista’ tgħin l-investigazzjoni għandha tiġi mgħoddija immedjatament lill-awtoritajiet aktar milli jħalluha biex tintuża f’“rivelazzjonijiet” orkestrati.

More in Politika