Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Tajjeb għax tajjeb, tajjeb għax b’xejn...imma vera b’xejn?

Il-PM Joseph Muscat qal illi l-viżjoni tiegħu hija li t-trasport pubbliku Malti jkun bla ħlas għall-passiġġier. Imma f’pajjiżi u bliet oħrajn x’ġara? 

Albert Gauci Cunningham / 11 t'Ottubru 2018 10:36
‘Tajjeb għax tajjeb, tajjeb għax b’xejn’ kien jingħad darba ftit żmien ilu mhux ħażin meta kienu bdew isiru ġabriet għal dawk li kienu morda bil-kanċer. Imma eks Ministru Nazzjonalist tal-Finanzi kien ifakkarna li ‘xejn mhu b’xejn’. U din il-ġimgħa, preċiżament nhar il-Ħadd li għadda l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar kif it-tragward tal-Gvern li jmexxi huwa li jagħmel it-trasport pubbliku wieħed b’xejn.

Ikun hemm min jgħid li dan huwa sempliċiment ‘gimmick’ u ċejċa. Ikun hemm oħrajn li jarawha bħala xi ħaġa ferm pożittiva għax se jiffrankaw. Imma lil hinn mill-opinjonijiet inizjali, ġeneralment motivati mill-opinjoni politika, il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa estensiva lejn x’ġara f’pajjiżi oħrajn fejn it-trasport pubbliku sar b’xejn (anke jekk għal setturi speċifiċi). Nagħtu ħarsa speċifika lejn rapport dwar inizjattiva ta’ trasport b’xejn għal studenti fi Brussell u kif dawn irreaġixxew għall-inizjattiva ta’ trasport b’xejn kif ukoll ir-reazzjoni tal-poplu ta’ Tallinn, il-kapitali tal-Estonja, għall-inizjattiva ta’ trasport pubbliku b’xejn fl-2013.

Mill-Gvern Fjamming sa Tallinn     

Il-kunċett tas-sistema ‘third payer’ kienet elaborata l-aktar mill-Gvern Fjamming (b’poplu mifrux fl-Olanda, il-Belġju u Franza). Hija msejħa ‘third payer’ minħabba li huwa l-Gvern, l-awtorità jew entità li qed tħallas għall-passiġġier. Jiġifieri għandek il-fornitur tas-servizz, il-klijent u t-terz li qed iħallas għall-klijent.

Mis-sena 2000 żewġ gruppi gawdew mill-benefiċċju ta’ trasport pubbliku b’xejn, jiġifieri l-anzjani (65+) u tfal taħt it-12-il sena. Fit-tmiem tal-2003 iktar minn 20% tal-komunitajiet Fjammingi kienu introduċew din is-sistema, bl-Università Kattolika tal-Leuven tidħol f’arranġament simili għall-istudenti tagħha.

Fl-2003 mbagħad din is-sistema kienet introdotta fil-kapitali, Brussell bil-Brussels Capital Region tħallas lill-Brussels Public Transport Authority €14-il miljun illi minnhom ikunu jistgħu jitħallsu l-vjaġġi tal-anzjani u t-tfal kollha.

Mill-2004, l-impjegati tal-Gvern u mill-2005 persuni fuq il-paga minima lkoll bdew jużaw it-trasport pubbliku mingħajr il-bżonn ta’ ħlas.

Iktar riċenti kienet il-belt kapitali tal-Estonja illi introduċiet din is-sistema. Fil-fatt fl-2013 is-sindku tal-belt, Edgar Savisaar, ippropona trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, simili għal dak li ppropona Muscat f’Malta.

Biex tkun tista’ tgwadi minn trasport b’xejn iżda trid tkun residenti fil-belt b’€1,000 mit-taxxa tad-dħul kull sena jmorru għat-trasport. Kulma jrid iħallas direttament il-passiġġier huwa €2 għal kard, simili għal dik ta’ Malta.

Skont artikli illi dehru fuq The Guardian aktar kmieni din is-sena jidher illi l-proġett irnexxa anke għax kienu bosta bliet oħrajn li għamlu rikjesti għal aktar informazzjoni, fosthom mill-belt Ċiniża ta’ Chengdu.

Ir-riżultati kienu interessanti. Dawk li minflok karozza jużaw it-trasport pubbliku żdiedu bi 8%, għalkemm iż-żmien li vjaġġi bil-karozzi jdumu żdiedu b’31%. Dr Oded Cats minn Delft University tal-Olanda, tgħid illi dan jindika żieda ta’ karozzi fit-toroq.

Inizjattiva mmarkata b’żidiet

Rapport ippubblikat fl-2006 ‘Impact of Free public transport on Travel behaviour (Steenberghen, Lenny u Macharis) jagħti l-istampa f’erba’ postijiet differenti fejn saret din l-inizjattiva, apparti li jiffoka fuq l-inizjattiva li saret fil-Belġju ta’ trasport b’xejn għall-istudenti.

Żidiet qawwijin fil-passiġġieri fl-Istati Uniti

Arranġament illi sar bejn diversi Universitajiet fl-Istati Uniti u l-fornitur tat-trasport pubbliku wassal għal żidiet ta’ bejn 71% u 200% fl-użu tat-trasport pubbliku.

F’dan il-każ l-Universitajiet iħallsu ammont ta’ flus lill-fornitur, skont kemm jaħsbu li se jkun hemm użu tat-trasport pubbliku, biex imbagħad l-istudenti jistgħu jużaw trasport mingħajr ħlas.

Il-‘Jaakart’ twassal għal żidiet... imma t-traffiku ma naqasx

Fl-Olanda bdiet tintuża dik li tissejjaħ Jaakart minn total ta’ 800,000 student. Din wasslet għal żieda ta’ 75% fl-użu tat-trasport pubbliku, bir-rapport jgħid illi l-inizjattiva wasslet għal attitudni pożittiva lejn it-trasport pubbliku.

Imma mhux biss, fl-Olanda wkoll saret inizjattiva ta’ trasport pubbliku mingħajr ħlas bejn The Hague u l-belt mimlija universitajiet ta’ Leiden. Anke hawn kien hemm żieda fl-użu fil-passiġġieri, għalkemm din id-darba r-rapport jispeċifika illi minkejja din iż-żieda, dan ma rriżultax fi tnaqqis fl-użu tal-karozzi u fit-traffiku.

Chateauroux, Franza: Aktar passiġġieri, aktar vandaliżmu

Fil-komunitajiet ta’ Chateauroux ġewwa Franza, inizjattiva ta’ trasport b’xejn fl-2002 wasslet għal żieda qawwija ta’ 79% fl-ammont ta’ passiġġieri.

Minkejja dan, kienu rrappurtati aktar każijiet ta’ vandaliżmu, kif ukoll aktar każijiet ta’ diżrispett lejn ix-xufiera, speċjalment issa li ma kellhomx is-saħħa tax-xiri tal-biljetti f’idejhom.

Brussell: rispons tajjeb

Ir-rapport li qed tikkwota din il-gazzetta juri kif l-inizjattiva tal-Gvern Belġjan ta’ Trasport b’xejn għal settur ta’ studenti ħalliet il-frott.

Il-Gvern Belġjan kien nieda miżura ta’ trasport b’xejn għal studenti f’universitajiet u kulleġġi fejn il-lingwa mitkellma hija dik Olandiża.

Ftit inqas minn 47% ta’ dawk li setgħu jakkwistaw il-kard biex jużaw trasport pubbliku b’xejn, għamlu dan. Minn dawn 89% użaw it-trasport pubbliku, uħud għall-ewwel darba. Kwart ta’ dawk li għamlu użu mit-trasport pubbliku għamlu vjaġġi ġodda.

U x’jikkonkludi r-rapport?

Ir-rapport ta’ Steenberghen, Lenny u Macharis jagħmel konklużjoni partikolari u li tajjeb li niftakruha qabel diskussjonijiet dwar trasport pubbliku b’xejn.

Fir-rakkomandazzjonijiet ir-rapport jfakkar illi “li jkun offrut trasport pubbliku b’xejn ma jfissirx li n-nies se jħallu l-karozzi d-dar. L-għażla ta’ kif persuna tmur minn post għall-ieħor hija ddeterminata minn bosta fatturi, bħall-frekwenza, il-kwalità u l-aċċessibilità. Fatturi li jattiraw lin-nies lejn it-trasport pubbliku jeħtieġ ikunu kkumplimentati minn miżuri li jnaffru lin-nies mill-karozzi. Miżuri jistgħu jinkludu prezzijiet ogħla, regolazzjoni tal-parkeġġ u miżuri oħrajn ta’ mmaniġjar ta’ mobilità.”

Ir-rapport ifakkar ukoll li qabel ma jiddaħħlu miżuri ta’ trasport pubbliku b’xejn huwa importanti li jkun hemm forniment propizju tas-servizz. Jiġifieri li jkun hemm aktar vjaġġi, aktar vetturi u servizz li jkun iktar estiż għall-ħinijiet ukoll li jibqgħu għaddejjin matul il-lejl

...u l-Ġermanja wkoll

Intant fi Frar ta’ din is-sena kien irrappurtat illi l-Gvern Ġemaniż qed jippjana li jibda trasport pubbliku b’xejn. Kien tħabbar illi kien se jibda proġett pilota f’ħamest ibliet; Bonn, Essen, Herrenberg, Reulingen u Manneheim.

Il-Ġermanja se tagħmel dan minħabba li l-Kummissjoni Ewropea wissiet lil dan il-pajjiż, flimkien ma’ oħrajn kontra ksur ta’ regolazzjoni li titratta tniggis tal-arja.

U f’Malta? Tirnexxi?

F’Malta, il-proposta tal-Prim Ministru tista’ ssib problema fatali. F’Malta l-uniku trasport pubbliku huwa magħmul minn tal-linja, li hija vettura li taħdem fuq l-art. Dan ifisser li l-inċentiv biex persuna taqbad it-trasport pubbliku, hu li hu. Tal-linja tieqaf fit-traffiku bħall-karozzi, b’differenza li tal-linja jeħtieġ issegwi r-rotta tagħha u allura tibqa’ mwaħħla fit-traffiku. L-uniku trasport pubbliku f’Malta huwa dak fuq l-art li ftit li xejn għandu karreġġjati apposta għalih u li għandu rotot li ġieli jkunu mimlijin u allura jaffetwa l-puntwalità. Dan apparti li s-servizzi billejl għadhom fl-infanzja tagħhom u allura għal ħafna destinazzjonijiet it-trasport pubbliku jieqaf bejn id-9:30p.m. u l-10:30 pm.

Dan kollu jnaqqas mill-attrazzjoni tat-trasport pubbliku u diversi persuni li għandhom karozza se jżommu lilha, anke jekk it-trasport pubbliku jkun b’xejn.

Biex tkompli tikkumplika l-affari gvernijiet sussegwenti ma tantx urew entużjażmu biex jintroduċu miżuri li permezz tagħhom l-użu tal-karozza jsir iktar għoli. Dan allura jfisser li filwaqt li l-fatturi li jattirawk lejn it-trasport pubbliku żdiedu, għalkemm xorta mhumiex b’saħħithom biżżejjed, il-fatturi li jbegħduk mill-użu tal-karozza huma pjuttost negliġenti.

Jiġifieri kif jgħid ir-rapport li qed nikkwotaw f’dan l-analiżi miżura ta’ din it-tip tirnexxi biss jekk ikun hemm miżuri li jikkumplimentawha.

Dan apparti li bħalma jiġri kull fejn kienet applikata din il-miżura l-Gvern kellu joħroġ l-ispiża hu. B’xejn għalik imma joħorġu mit-taxxi tiegħek, jiġifieri mhux b’xejn! Jekk il-Gvern ikun irid itejjeb is-servizz biex ikompli jattira l-passiġġieri se jkollu joħroġ iktar flus mit-taxxi lill-kumpanija Spanjola li qed tmexxi t-trasport pubbliku.

Dan hu kollu tajjeb sakemm l-ekonomija qed tiġġenera l-ġid, imma kif jirrimarkaw bosta li tkellmu dwar din l-inizjattiva onlajn, f’sitwazzjoni fejn l-ekonomija lokali tgħaddi minn perjodu diffiċli, il-miżura ta’ trasport pubbliku b’xejn mhux neċessarjament tibqa’ garantita.

F’Hesselt fil-Belġju, wara 16-il sena, kellhom jerġgħu jintroduċu n-noll hekk kif it-trasport b’xejn għal kulħadd ma baqax sostenibbli.

Dan jindika allura li apparti żieda fis-serivizzi ta’ trasport pubbliku (under/overground?), jeħtieġ ikun hemm pjan ta’ sostenibbilità fit-tul. 

Il-pajjiżi li joffru trasport pubbliku b’xejn...

L-Awstralja
  • Adelaide
  • Brisbane
  • Melbourne
  • Perth


Il-Belġju
  • Hasselt


Il-Brażil
  • Agudos
  • Anicuns
  • Eusebio
  • Itatiaiuçu
  • Ivaiporã
  • Maricá
  • Mount Carmel
  • Muzambinho
  • Paulinia
  • Pitanga
  • Porto Real
  • Potirendaba
  • Silva Jardim


Il-Bulgarija
  • Samokov


Il-Kanada
  • Calgary
  • Saint-Joseph-du-Lac
  • Winnipeg


Iċ-Ċina
  • Changning
  • Chengdu


Ir-Repubblika Ċeka
  • Frýdek-Místek
  • Strakonice
  • Valašské Meziříčí


Id-Danimarka
  • Ærø
  • Ikast
  • Læsø


L-Ingilterra
  • Dewsbury
  • Huddersfield
  • Manchester
  • Wakefield


L-Estonja
  • Tallinn


Il-Gżejjer Faroe
  • Tórshavn


Il-Finlandja
  • Mariehamn


Franza
  • Aubagne
  • Castres
  • Châteauroux
  • Colomiers
  • Compiègne
  • Dunkerque
  • Gap
  • Libourne
  • Noyon
  • Toulouse
  • Vitré


Il-Greċja
  • Athens


L-Iżlanda
  • Akureyri


L-Italja
  • Livigno


Il-Litwanja
  • Skuodas


Il-Malażja
  • George Town
  • Kuala Lumpur


In-Norveġja
  • Fredrikstad
  • Oslo


Il-Polonja
  • Bełchatów
  • Boguchwała
  • Brodnica
  • Chmielnik
  • Czarna
  • Glowno
  • Głogów Małopolski
  • Głuchołazy
  • Goleniów
  • Gostyń
  • Kościerzyna
  • Lubin
  • Łaziska Górne
  • Mieroszów
  • Mława
  • Nowogard
  • Nowy Tomyśl
  • Otmuchów
  • Polkowice
  • Ścinawa
  • Śrem
  • Środa Wielkopolska


Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook