Il-PN b'mozzjoni parlamentari kontra s-sistema l-ġdida għall-ġbir tal-iskart

Filwaqt li jaqbel mal-kunċett, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-Gvern ħareġ ir-regoli mimlija taħwid u żbalji

L-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni parlamentari biex ir-regolamenti li ħareġ il-Gvern għas-sistema l-ġdida tal-ġbir tal-iskart jiġu rtirati għax skontha, “il-Gvern ħariġhom mimlijin taħwid u żbalji.”

Il-mozzjoni, iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent Jason Azzopardi u mill-Whip u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali Robert Cutajar titlob lill-Parlament jordna lill-Gvern “jikkonsulta u jgħarraf lill-Kunsilli, lill-istakeholders u lin-nies ħalli s-sistema l-ġdida tal-ġbir tal-iskart – li hi tajba – taħdem sewwa, b’konsultazzjoni u b’informazzjoni wiesgħa."

F'konferenza stampa, il Kelliema tal-Oppożizzjoni spjegaw kif, fir-regolamenti dwar is-sistema l-ġdida li suppost se tidħol f'anqas minn xahar, il-Gvern “għaffeġ” u wera li m'għandux pjan għal dan il-qasam.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li għalkemm l-iskop tar-regolamenti hu tajjeb, il-Gvern wera “inkompetenza” u “traskuraġni kbira” meta fir-regolamenti ħalla barra l-ħinijiet tal-ġbir tal-borża l-bajda fil-biċċa l-kbira tal-Kunsilli Lokali.

Min-naħa tiegħu Azzopardi spjega li l-Gvern ħalla barra mir-regolamenti l-ġbir tal-iskart organiku fil-maġġoranza qawwija tal-lokalitajiet.

Robert Cutajar insista li l-Gvern “ħalla wkoll fuq l-ixkaffa sistemi li kienu bdew ikunu maħsubin mill-Gvern Nazzjonalista ħalli ħadd ma jeħel multi intortament.”

More in Politika