'Fi stadju bikri’ l-proċess għar-regolarizzazzjoni tal-gentlemen’s clubs

…dan minkejja li r-regolarizzazzjoni ta’ dawn il-clubs tħabbret sentejn u nofs ilu u sal-aħħar tas-sena li għaddiet kellu jitressaq abbozz ta’ liġi quddiem il-Parlament

Il-President tas-sezzjoni tal-GRTU għas-setturi tat-turiżmu, l-ospitalità u d-Divertiment, Philip Fenech, qal lill-gazzetta ILLUM, li l-proċess għar-regolarizzazzjoni ta’ dawk imsejħa ‘gentlemen’s clubs’ għadu fi stadju bikri.

Dan minkejja li fid-19 ta’ Frar tal-2016, il-Ministru għat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien, Edward Zammit Lewis, kien ħabbar li dawn il-clubs, se jkunu qed jiġu rregolati u dan bħala parti minn riforma leġislattiva aktar wiesgħa għas-settur tat-turiżmu u minkejja li s-sena li għaddiet, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi kien reġa’ qajjem id-diskussjoni u saħaq li abbozz ta’ liġi kellu jitressaq quddiem il-Parlament sa Diċembru tal-2017.

Fenech saħaq li fl-aħħar xhur, il-GRTU kellha numru ta’ diskussjonijiet kemm mal-partijiet interessati, inkluż mas-sidien tal-istabbilimenti u anke mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) li hija responsabbli min din ir-riforma.

Huwa insista li s-sidien kollha kemm huma jaqblu li l-operat tagħhom għandu jkun irregolat. Insista li wieħed ma jistax jinsa l-fatt li dawn l-istabbilimenti qed joperaw, uħud minnhom għal snin sħaħ u għalhekk saħaq li huwa tajjeb li jkun hemm forma ta’ regolarizzazzjoni li tiddefinixxihom.

Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM, għamlet ukoll kuntatt ma’ żewġ sidien ta’ ‘gentlemen’s clubs’ li saħqu li għalkemm huma mhu qed jagħmlu xejn li jmur kontra l-liġi u li min jeddhom jirregolaw lilhom infushom, jaqblu li l-istabbilimenti jkunu ‘aktar definiti u rikonoxxuti’ u jkun hemm imniżżel iswed fuq l-abjad dak li hu permessibbli u dak li mhuwiex.

“Għadna sal-lum ma nafux x’jista’ jsir fl-istabbilimenti. Anke jekk jiena naf x’jista’ jsir, jekk kollox ikun imniżżel fuq il-karta, ikun ħafna aħjar,” saħaq wieħed mis-sidien.

Fenech saħansitra qal lil din il-gazzetta li waqt id-diskussjonijiet kien hemm sidien li insistew li anke jekk żgħażagħ ta’ 17-il sena (l-età permessibbli għall-konsum tal-alkoħol) jistgħu jidħlu f’dawn l-istabbilimenti, xorta waħda jippreferu li jitħallew fil-libertà biex jagħżlu minn jeddhom jekk jiddeċiedu li ma jaċċettawx klijenti li għandhom inqas minn 21 sena.

Apparti minn hekk, Philip Fenech qal li l-GRTU ltaqgħet ukoll ma’ dawk l-entitajiet li għandhom ir-riservi tagħhom dwar ‘il-gentlemen’s club’ biex ikun assigurat li tinstema’ l-opinjoni ta’ kulħadd u kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed tkun waħda infurmata.

S’issa x’permessi għandhom dawn il-clubs?

Preżentament, il-‘gentlemen’s clubs’ jaqgħu taħt il-liċenzja tal-ħwienet fil-kategorija tal-ikel.

Il-pjan huwa li jkun hemm liċenzja speċifika għal dawk l-istabbilimenti li joffru divertiment tard bil-lejl, b’sotto kategorija speċifika għad-divertiment tal-adulti, li taħthom ikunu jaqgħu ‘l-gentlemen’s clubs.’

Id-diskussjoni dwar dawn il-clubs reġgħet qamet matul din il-ġimgħa wara li l-Imħallef Edwina Grima saħqet li wasal iż-żmien li ‘l-gentlemen’s clubs’ ikunu rregolati b’leġiżlazzjoni li għandha tistabbilixxi liema hija l-attività li għandha tiġi permessa u liema għandha tkun sanzjonata.

Hija saħqet dan waqt li kienet qed tippresjedi l-Qorti tal-Appell li bidlet is-sentenza mogħtija lil Raymond u Vincent Micallef. Din ħelsithom mill-akkużi li kienu qed imexxu burdell iżda sabithom ħatja li kienu qed jimpjegaw tfajliet barranin mingħajr ma kellhom liċenzja jew ktieb tax-xogħol.

L-akkużati kienu ġew arrestati wara li kienu wettqu rejd fl-istabbiliment u sabu għadd ta' tfajliet, nofshom imneżża', jiżfnu mal-poles u mal-klijenti.

Fl-appell tagħha, l-Imħallef Grima saħqet li għandu jkun stabbilit iswed fuq l-abjad dak li hu permessibbli li jsir f’dawn l-istabbilimenti, x’mhuwiex u min jista' jidħol u min ma jistax. Insistiet ukoll li n-nisa u t-tfajliet li jaħdmu fihom għandhom ikunu protetti mill-esplojtazzjoni.

X’se jkun permessibbli u x’mhux se jkun?

Sas-sena li għaddiet, kien qed jiġi mħejji abbozz li kellu jitressaq quddiem il-Parlament sa Diċembru tal-2017.

Il-konsulent fil-Ministeru għat-Turiżmu George Micallef, kien spjega li dan l-abbozz se jkun jinkludi regoli li fost oħrajn jipprojbixxu l-użu tal-kmamar privati u jagħmel ukoll distinzjoni bejn l-imġiba u dak li jilbsu ż-żeffiena fuq il-palk u dawk li jiżfnu fuq l-imwejjed, ġaladarba dawn ikollhom kuntatt mal-klijenti.

Il-gazzetta oħt MaltaToday kienet saħansitra rrappurtat li s-sidien se jkunu obbligati jassiguraw li kwalunkwe ‘pole dancers’ għarwiena ma jitħallewx jiżfnu jekk mhux fuq il-palk.

Kmamar privati, anke jekk ħafna mis-sidien jisħqu li ma għandhomx, mhux se jkunu aktar permessibbli.

Ir-regoli l-ġodda kellhom ukoll ipoġġu restrizzjoni fuq in-nisa li ġeneralment jidhru quddiem dawn l-istabbilmenti biex iħajru l-klijenti biex jidħlu.

Dan apparti restrizzjonijiet oħra fuq ir-reklamar barra mill-istabbiliment u anke jkunu limitati ż-żoni fejn dawn jistgħu jiftħu, biex pereżempju ma jkunux viċin skejjel.

Biżżejjed li jiġu rregolati?

Anke jekk il-Ministru għat-Turiżnu Konrad Mizzi saħaq li r-regolarizzazzjoni ta’ dawn il-clubs hija neċessarja, għax bħalissa s-sistema hija miftuħa għal kulħadd, għadd ta’ għaqdiet tan-nisa xorta waħda ma tantx huma kuntenti, anzi kienu akkużaw lill-Ministru li qed ipoġġi lilu nnifsu fuq in-naħa tas-sidien.

Il-Konfederazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa dejjem saħqet li:

  • dawn l-istabbilimenti għandhom jingħalqu u mhux jiġu rregolarizzati.
  • r-riċerka turi li hemm rabta qawwija bejn dawn il-clubs għall-adulti u l-kriminalità, il-protituzzjoni u traffikar tan-nisa.
  • għalkemm is-sidien jippruvaw jagħmlu differenza bejn ‘gentlemen’s clubs’ u ‘s-strip clubs,’ il-fatt jibqa’ li f’dawn in-negozji, in-nisa jkunu ffastidjati sesswalment.
  • ‘ma hemm xejn ‘gentlemen’ fil-gentlemen’s clubs.’
  • il-Gvern għandu  biex jieħu l-istess pożizzjoni tal-Iżlanda li kienet ipprojbixxiet dawn il-clubs.

Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Renee Laiviera kienet qalet ukoll li anke jekk jiġu dawn il-clubs ikunu rregolarizzati, ma jbiddilx il-fatt li fihom il-mara xorta waħda tibqa’ meqjusa biss bħala oġġett sesswali.”

Din il-ġimgħa, fuq Facebook kiteb ukoll id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo li saħaq li kemm “il-‘gentlemen’s clubs’ u anke ‘l-massage parlours’ tal-isem,” għandhom jingħalqu.

More in Politika