15-il kilometru ta’ karreġġjati ġodda fost xogħlijiet li tlestew jew waslu biex

It-tieni fażi tal-Marsa Junction Project, it-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun bypass u l-bini mill-ġdid ta’ partijiet minn Triq Diċembru 13 se jinfetħu mill-ġimgħa d-dieħla

L-investiment ta’ €14.2 miljun għat-titjib tal-konnessjoni arterjali bejn in-Nofsinhar u ċ-ċentru tal-pajjiż qed jagħti lis-sewwieqa tat-toroq aktar minn 15-il kilometru ta’ karreġġjati ġodda jew mibnija mill-ġdid u 10 ħoloq imtejba matul ir-rotta.

Qal dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta l-aħħar aġġornamenti dwar l-aħħar fażijiet tax-xogħlijiet li għaddejin fuq ir-rotta bejn il-Marsa u Santa Venera.

Il-Ministru Borg qal kif it-tliet proġetti, li jinkludu t-tieni fażi tal-Marsa Junction Project fl-intersection taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, it-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun bypass u l-bini mill-ġdid ta’ partijiet minn Triq Diċembru 13 u l-parti ta’ fuq ta’ Triq Aldo Moro, qed jitlestew dax-xahar u fil-bidu ta’ Ottubru u l-maġġoranza tal-korsiji ġodda u l-ħoloq imtejba se jinfetħu għas-sewwieqa mill-ġimgħa d-dieħla. 

Huwa insista li x-xogħlijiet qed inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar u diffikultajiet oħrajn matul l-aktar rotta traffikuża min-Nofsinhar għaċ-ċentru fin-network­ tat-toroq ta’ Malta, li testendi mill-inħawi tal-Marsa Sports Grounds fi Triq Aldo Moro san-naħa ta’ isfel tal-mini ta’ Santa Venera.

Il-Ministru rringrazzja lill-kuntratturi u lill-esperti tekniċi ta’ Infrastructure Malta tal-ħidma tagħhom biex ix-xogħol ikun lest qabel il-bidu tas-sena skolastika.

Fakkar kif it-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun bypass kien proprjament skedat li jkun lest fl-2019 iżda x-xogħlijiet estensivi li kienu jinkludu l-bini ta’ żewġ korsiji ġodda u l-bini mill-ġdid tas-central strip tlestew xhur qabel.

Minbarra r-realignment u t-twessigħ ta’ toroq eżistenti, it-tliet proġetti kienu jinkludu wkoll l-iżvilupp ta’ aktar minn 38 kilometru ta’ cables u ta’ pajpijiet għas-servizzi tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni taħt. Uħud minn dawn in-networks, inklużi cables tal-elettriku b’vultaġġ għoli, tpoġġew f’1.5 kilometri ta’ walk-through culverts ġodda taħt l-art li se jiffaċilitaw manutenzjoni u tiswija futuri mingħajr il-bżonn li jitħaffru t-toroq il-ġodda.

Apparti minn hekk, 3.8 kilometri oħrajn ta’ pipes u ta’ culverts taħt l-art għall-ilma tax-xita ġew installati taħt l-uċuħ tat-toroq il-ġodda. Permezz ta’ dawn il-proġetti, Infrastructure Malta żviluppat 2.8 kilometri ta’ bankini ġodda, bniet mill-ġdid sitt lay bys għall-karozzi tal-linja u installat aktar minn erba’ kilometri ta’ sistemi ġodda għat-trażżin tal-vetturi.

Għaċ-ċiklisti saret ukoll karreġġjata ġdida  ta’ 400 metru fi Triq Aldo Moro biex eventwalment tingħaqad ma’ infrastruttura oħra favur iċ-ċikliżmu li qed tiġi żviluppata fi proġetti oħrajn li għaddejjin bħalissa jew li huma pjanati matul l-istess rotta.

Dawn jinkludu, l-iżvilupp tal-intersection il-ġdida b’seba’ pontijiet minflok it-traffic lights fil-ħolqa taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, il-bini mill-ġdid ta’ parti minn Vjal Santa Luċija u l-introduzzjoni ta’ żewġ mini ġodda bħala parti mill-proġett tar-roundabout ta’ Santa Luċija u l-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa li tgħaqqad lil din ir-roundabout ma’ Ħal Luqa u mal-Gudja. 

Apparti dawn, Infrastructure Malta lestiet it-titjib taż-żewġ roundabouts ewlenin ta’ Ħaż-Żebbuġ u t-twessigħ ta’ Triq l-Imdina, l-upgrade tat-t-junction li tgħaqqad Triq tal-Barrani mal-Gudja u Ħal Għaxaq u t-twessigħ u t-titjib ta’ parti mit-Telgħa t’Alla u Ommu li tgħaqqad Burmarrad mal-inħawi ta’ Birguma fin-Naxxar.

Bħalissa għaddej xogħol fuq it-twessigħ ta’ Vjal l-Avjazzjoni bejn il-Gudja u Ħal Luqa, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Bormla bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun u ta’ Triq tal-Balal bejn in-Naxxar u San Ġwann u l-upgrade tar-roundabout viċin Mosta Technopark għaddejjin bħalissa wkoll.

More in Politika