Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Filmat | Minkejja l-4,000 oġġezzjoni jiġi approvat l-iżvilupp tal-Grupp db f'Pembroke

Il-proġett kien approvat b'għaxar voti kontra erba'

Yendrick Cioffi / 20 ta' Settembru 2018 09:32
Il-Bord tal-Awtorità Ippjanar approva l-proġett kontroversjali tal-Grupp db f'Pembroke liema żvilupp se jinbena fuq medda art ta'  109,919 metru kwadr li sa ftit xhur ilu kien hemm fuqha l-Istitut għall-Istudju Turistiċi.

Dan se jkun jinkludi torri ta' 38 sular, lukanda ta' 17-il sular, casino u anke stabbiliment kummerċjali.

Kienu erba' dawk li vvutaw kontra l-proġett. Dawn kienu r-rappreżentanta tal-Oppożizzjoni Marthese Portelli, is-Sindku ta' Pembroke Dean Hili, iċ-Ċerpersin tal-Awtorità tal-Ippjanar Vince Cassar u Annick Bonelli li kien qed jirrappreżenta lill-NGOs. Għaxar membri oħra vvutaw favur.

Aktar qabel, Vince Cassar wera t-tħassib tiegħu għat-traffiku li dan il-proġett, li sejjaħlu 'eċċessiv' se joħloq fl-inħawi u insista li hemm bżonn masterplan għaż-żona.

 

Il-proġett kien approvat minkejja li  l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet aktar minn 4,000 oġġezzjoni għal dan il-proġett, partikolarmant mir-residenti li qed jisħqu li l-ogħli tal-bini se jitfa' f'dell permanenti l-proprjetajiet tagħhom u se jnaqqas il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Dawn kellhom diversi laqgħat, saħansitra mal-President u kienu organizzaw ukoll protesta kontra l-iżvilupp u nedew kampanja 'Tidfnuniex Ħajjin.

Tul il-laqgħa kien żvelat li l-Gvern ikkommetta ruħu li jibni l-mina li Transport Malta kienet saħqet li hija neċċessarja jekk ikun approvat dan il-proġett. L-għan tal-mina, li tiżbokka fi Triq il-Kosta, huwa li tnaqqas l-impatt fuq it-traffiku li proġetti ta' żvilupp fl-inħawi se joħolqu.

Id-Direttorat tal-Ippjanar kien irrakkomanda li l-iżvilupp jiġi approvat, anke jekk ħafna entitajiet, fosthom il-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan, Pembroke u s-Swieqi ħarġu kontrih.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent ukoll saħqet li l-proġett ma jirrispettax il-ġid komuni, filwaqt li l-Gwardjan għall-Ġenerazzjonijiet Futuri, Maurice Mizzi saħaq li ġaladarba ma hemmx masterplan għaż-żona, il-proġett ma għandux ikun approvat.

Is-sala tal-Liċeo tal-Ħamrun ippakjata bin-nies
 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook