Said 'jisfida' lil Fearne biex jippublika l-inkjesta sħiħa dwar il-ħelikopter

Jakkuża lid-Deputat Prim Ministru li sar kompliċi mal-Ministru Konrad Mizzi

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said kiteb ‘jisfida’ lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta, li ddeskriviha bħala ‘fażulla’ dwar il-każ tal-ħelikopter tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Fuq Facebook, Said saħaq li persuni li kienu preżenti qed igiddbu lill-Gvern u fi kliemu dan ifisser li l-inkjesta saret biss biex tgħatti n-nuqqasijiet gravi li skontu waslu għal mewt ta’ persuna.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru tas-Saħħa ppubblika paragarfu mill-inkjesta li saret u li jisħaq li ma kien hemm l-ebda nuqqas u li l-ħelikopter kien lest biex jilqa’ l-pazjenti li jkollhom bżonn jinġiebu Malta għall kura.

L-inkjesta kienet ordnata minn Fearne wara li Said kien allega li pazjent Għawdxi tilef ħajtu wara li dan ma twassalx Malta fil-ħin biex jingħata kura intensiva għal attakk tal-qalb, minħabba ħsara fil-ħelikopter.

Iżda, dalgħodu, Said ippubblika messaġġ li ħaddiem tal-isptar ta’ Għawdex bagħat lill-Ministru Fearne dwar is-sitwazzjoni fl-isptar u l-każ tal-ħelikopter.

Temm jisħaq li l-Ministru Fearne jaf li l-Ministru KOnrad mizzi żbalja meta ‘biegħ’ l-uniku sptar Għawdxi iżda insista li issa sar kompliċi għax ma għamel xejn biex jirrimedja s-sitwazzjoni.

More in Politika