Ritratti: Steward tinvesti fi flotta ġdida ta' vetturi għat-trasport tal-pazjenti

Fost dawn vettura tar-rapid response għal Għawdex

Il-kumpanija Steward Health Care Malta investiet fi 18-il vettura ġdida għat-trasport tal-pazjenti li se jkunu qed jintużaw fl-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dawn il-vetturi se jkunu qed jieħdu post oħrajn qodma, li wħud minnhom imorru lura għas-snin disgħin.

Il-vetturi jinkludu 14-il vann, tliet vannijiet iżgħar li huma aktar aċċessibbli u vettura tar-rapid response għal Għawdex.

Fi stqarrija, Steward qalet li t-tliet sptarijiet li topera jwasslu madwar 100 pazjent kuljum, fil-biċċa l-kbira tagħhom anzjani li jkollhom bżonn vetturi komdi.

Ħafna minnhom ma jistgħux jattendu għall-appuntamenti waħedhom, partikolarmant dawk tal-outpatients u għalhekk permezz ta’ dawn il-vetturi, l-anzjani se jkunu jistgħu jitwasslu għal dawn l-appuntamenti u lura b’aktar kumdità.

Il-vettura tar-rapid intervention se tkun qed tintuża minn staff mediku Għawdxi biex jasal malajr kemm jista’ jkun fuq post ta’ inċident biex joffri l-ewwel għajnuna.

Dan jgħin ukoll lill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex juża r-riżorsi tiegħu aħjar, hekk kif permezz ta’ din il-vettura tkun tista’ tintuża minn tim mediku f’inċidenti żgħar fejn il-pazjenti ma jkollhomx bżonn l-ambulanza.

 

More in Politika