Cardona jitlef iċ-ċans li jerġa' jiftaħ il-libelli dwar l-Acapulco

Il-Ministru Chris Cardona kellu ċans sal-bieraħ biex jerġa' jiftaħ il-libelli

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona mhux se jkun qed jiftaħ mill-ġdid il-libelli tiegħu kontra l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia wara li lbieraħ tilef iċ-ċans li jagħmel dan.

Cardona u l-konsulent tiegħu Joe Gerada kienu fetħu libell kontra Caruana Galizia wara li din kienet allegat li żaru l-burdell FKK Acapulco fil-Ġermanja waqt li kienu fuq żjara uffiċjali tal-Gvern.

F’Mejju li għadda, l-avukati ta’ Caruana Galizia kienu talbu li jaqgħu l-każi għax Cardona baqa’, għal aktar minn darba, ma deherx biex jagħti x-xhieda t-tiegħu.

It-talba kienet aċċetata, iżda Cardona kellu tliet xhur ċans bil-liġi biex jerġa’ jiftaħ il-libelli, xi ħaġa li Cardona baqa’ ma għamilx.

F’kummenti lil MaltaToday, l-għada li waqgħu l-każi, Cardona kien qal li mhux jeskludi li jerġa’ jiftaħ il-libelli, anke jekk saħaq li hemm diversi kunsiderazzjonijiet x’jagħmel.

Fuq Facebook, iben Daphne, Matthew Caruana Galizia iddeskriva lill-Ministru Cardona bħala bniedem giddieb, disonest u bla skrupli.

More in Politika