‘Din hija proposta pro-business u li twieżen lil min għandu bżonn’ - MDA

Sandro Chetcuti jgħid illi l-Gvern qed jadotta attitudni pożittiva lejn il-proposti tal-MDA, inkluż inċentivi lis-sidien biex ‘iraħħsu’ l-kirjiet...

Taqla' paga medja u trid tikri f'Tas Sliema?...Insieha..
Taqla' paga medja u trid tikri f'Tas Sliema?...Insieha..

Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela illi l-Gvern qed jikkunsidra proposta partikolari magħmula mill-Malta Developers’ Association (MDA) biex sidien, li bil-volontà tagħhom jiddeċiedu li jżommu l-kirja baxxa sabiex jintlaħqu persuni li ma jifilħux iħallsu, jingħataw inċentivi ta’ tnaqqis fit-taxxa meta jbigħu dik il-proprjetà.

Il-proposta li għadha fl-ewwel stadji tagħha u allura għadha qed tkun diskussa hija magħmula biex tinċentiva lis-sidien iżommu l-kirjiet baxxi u bħala rikonoxximent is-sidien igawdu minn inċentivi fiskali. Naturalment din il-proposta tħalli lis-sidien f’libertà assoluta dwar jekk jixtiqux jieħdu l-opportunità minnha.

F’kuntatt ma’ din il-gazzetta l-President tal-MDA Sandro Chetcuti kkonferma li din hija waħda mill-proposti li qed tressaq l-assoċjazzjoni għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern hekk kif issa riesaq ġmielu baġit ieħor li mistenni jkun parti mill-isforz tal-Gvern biex jindirizza l-problema ta’ kirjiet privati għoljin. Fil-fatt sors li tkellem ma’ din il-gazzetta kkonferma dak li numru ta’ Deputati Laburisti kien qalu lill-gazzetta ILLUM, jiġifieri li l-‘housing’ tibqa’ kwistjoni problematika u li qed titfa’ iktar pressjoni fuq id-dipartimenti tal-Assistenza tal-Klijent (Customer Care) ta’ diversi Ministeri.

Il-proposta se taħdem b’mod illi jekk pereżempju inti għandek proprjetà li tista tikriha b’€800, tista’ minflok tikriha b’€400 jew €500 (pereżempju) biex tilħaq iktar lil dawk li ma jkunux jistgħu jħallsu u minflok tibbenifika minn miżuri ta’ qtugħ jew tnaqqis ta’ taxxa. B’hekk il-Gvern ikun qed ‘jiffrankalek’ l-ispejjeż talli int krejt bi prezzijiet inqas minn dawk li jiddetta s-suq, permezz tal-forniment u t-talba għall-kirjiet.

Chetcuti sostna illi din dejjem hija għażla u l-ebda sid mhu se jkun qatt imġiegħel jaċċetta miżura bħal din li sejħilha bħala waħda ‘bis-sens’ u miżura li hija ‘pro-business’ imma li twieżen ukoll lill-vulnerabbli.”

“Għalkemm mhux kompitu tagħna li nressqu dawn il-proposti, aħna lesti li ngħinu fejn hemm nies vulnerabbli li qed ibatu mill-kirjiet, b’mod speċjali dawk il-persuni li jkunu għaddew minn seprarazzjoni u li allura jkunu qed jiddependu minn paga waħda,” qal Chetcuti.

Għalissa għadhom mhumiex magħrufin id-dettalji tal-proposta għalkemm huwa mifhum li t-tnaqqis fit-taxxa jiddependi minn kemm tkun il-kirja ‘mnaqqsa’ u kemm ikun twil il-perjodu illi sid jiddeċiedi li jikri b’dan il-mod.

Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM, Chetcuti qal illi l-Gvern qed jilqa’ proposti bħal dawn b’mod pożittiv ħafna għaliex, skontu, dawn mhumiex proposti assoluti u mhuma qed jieħdu xejn mingħand ħadd biex jagħti lill-ħaddiehor. L-MDA kienet esprimiet nuqqas ta’ qbil qawwi ħafna mal-kunċett ta’ kontrolli fil-prezzijiet tal-kirjiet, xi ħaġa li saret f’ċerti bliet iżda li r-riżultat tagħha għadu wieħed dibattibbli.

Il-proposta tal-MDA tiġi fiż-żmien illi matulu għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-White Paper dwar il-kirjiet privati, li kif żvelat din il-gazzetta l-proċess biex tkun ippubblikata waqa’ xi ftit lura minħabba biża’ illi malli tkun ippubblikata jisplodu l-prezzijiet tal-kirjiet privati.

Huwa mifhum li dan id-dokument li mbagħad se ssir diskussjoni dwaru se jkun ippubblikat f’Settembru, għalkemm mhux eskluż lanqas li jkun ippubblikat mal-baġit li jmiss.

More in Politika