Alleanza Kontra l-Faqar tgħid illi ż-żieda fl-għoli tal-ħajja qed tħalli lin-nies jaqgħu lura

Titlob lill-Gvern biex jirratifika l-mod kif tkun ikkalkulata l-COLA u tgħid li hawn nies li qegħdin, sena wara sena, jaqgħu lura 

Fi stqarrija l-Alleanza Kontra l-Faqar (AKF) saħqet li għal darba oħra riedet "terġa’ turi lill-Gvern li ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja, kif qed jiġu kkalkulati s’issa, mhumiex iwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ dawk il-persuni li għandhom dħul baxx kemm f’pagi, pensjonijiet u benefiċji."

"Dan in-nuqqas ġej mill-fatt li kif tinħadem ir-rata tal-inflazzjoni, bl-użu tal-Indiċi tal-Prezzijiet (PRI) mill-NSO, li fuqha tinħadem il-COLA, ma tirriflettix il-vera rata tal-inflazzjoni kif tolqot lil min għandu dħul baxx."

L-AKF fakkret illi r-rata tal-inflazzjoni tinħadem fuq basket ta’ prodotti u servizzi, flimkien ma’ kif dawn jaffettwaw (weighting) lill-konsumatur. "Dawn huma iktar maħduma fuq familji li għandhom dħul ferm ogħla, u għaldaqstant din ir-rata ma tirriflettix kif l-għoli tal-ħajja jolqot lil min għandu dħul baxx."

"Minħabba d-dħul baxx, dawn il-kategoriji ta’ nies bilfors ikollhom basket ta’ neċessitajiet differenti," sostniet l-AKF li fakkret kif għalhekk in-nefqa tagħhom hi iktar fuq neċessitajiet bażiċi tal-ħajja, bħal ikel, kera u speċjalment għall-pensjonanti infiq fuq mediċini u servizzi tas-saħħa li ma tipprovdix is-sistema ta’ saħħa publika.

"Kif turi l-istatistika kemm tal-NSO u tal-Eurostat, dawn il-prodotti u servizzi qed jogħlew b’rata ogħla minn affarijiet oħra."

"In-nuqqas ta’aġġustament korrett qed joħloq aktar faqar, għax kif inhu l-kalkolu attwali ta’ żidiet għall-għoli tal-ħajja mhux qed jikkoreġi l-inflazzjoni hekk kif qed tolqot lil dawn in-nies bi dħul baxx," qalet l-AKF.

"Li qed jiġri hu li dawn, sena wara oħra, qed imorru dejjem lura fil-valur tal-pagi u l-pensjonijiet. Id-dħul tagħhom mhux qed ikun biżżejjed biex  jgħixu ħajja diċenti.L-Alleanza Kontra l-Faqar titlob lill-Gvern biex f’dan il-baġit jibda jikkoreġi dan in-nuqqas."

More in Politika