Żewġ Sindki Għawdxin iridu aktar kontroll fuq tal-farmhouses

  • Residenti Għawdxin jilmentaw mal-ILLUM dwar l-istorbju mill-farmhouses
  • Sindki jitkellmu dwar il-pressjoni li qed tinħoloq fl-irħula ż-żgħar
  • L-abbozz ta' Liġi kontra t-tniġġis mill-istorbju għadu qed jinħadem

Is-Sindku tal-Għarb, David Apap Agius, qal li s-sidien tal-farmhouses għandhom jibdew jikkontribwixxu u jagħtu xi ħaġa lura lill-komunità, l-istess kif jagħmlu s-sidien tal-ħwienet u anke tal-lukandi.

Huwa qal dan mal-gazzetta ILLUM li tkellmet miegħu u anke mas-Sindku ta' San Lawrenz, Noel Formosa wara li rċeviet diversi lmenti minn għadd ta' residenti Għawdxin dwar l-istorbju li qed ikollhom jiffaċjaw kontinwament minn persuni li jkunu qed joqogħdu fil-farmhouses li aktar ma jmur aktar qed isiru popolari fil-gżira Għawdxija.

Iż-żewġ sindki ma qagħdux jomogħdu l-kliem u insistew li din hija problema li qed ikollhom jiffaċċjaw ir-residenti Għawdxin ta' kuljum u mhux fis-sajf biss. Kien għalhekk li t-tnejn li huma insistew li s-sidien tal-farmhouses għandhom ikunu aktar responsabbli tan-nies li jkollhom u saħqu dwar il-bżonn li l-kunsilli jingħataw aktar saħħa biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni huma stess.

"Bħalissa ftit li xejn nistgħu nagħmlu ħlief li nilmentaw u nqajmu kuxjenza,' saħqu ż-żewġ sindki. "Ġieli kelli nċempel il-Pulizija u mhux l-ewwel darba li mort jien stess inħabbat il-bibien biex jieqaf l-istorbju, bil-biża' li naqla' xi daqqa ta' ponn," qal is-Sindku tal-Għarb.

David Apap Agius
David Apap Agius

'Ma għandniex l-infrastruttura biex inlaħħqu mal-kummerċ kollu'

Apap Agius kompla jinsisti li l-problema li qed tinħoloq fl-irħula żgħar Għawdxin ma tikkonċernax biss l-istorbju iżda anke l-pressjoni li qed tinħoloq fuq l-iskart u l-parkeġġ.

Spjega kif fl-Għarb biss, raħal li għandu popolazzjoni ta' 1,266 ruħ, hemm 45 B&B (lukandi żgħar) li qed ikunu mimlija mhux fil-ġranet tas-sajf biss iżda s-sena kollha.

Filwaqt li saħaq li dan jawgura tajjeb għall-ekonomija Għawdxija, għax fi kliemu fl-aħħar sitt snin it-turiżmu ħa spinta kbira 'l quddiem, insista li l-irħula Għawdxin ma għandhomx l-infrastruttura biżżejjed bex ilaħħqu mal-kummerċ kollu li qed jinħoloq.

Il-Kunsill Lokali saħansitra jikkalkula li minħabba żviluppi u anke għax ħafna minn dawk li jikru jkollhom il-karozzi, l-Għarb spiċċa b'250 parkeġġ inqas milli jirrikjedi.

'Aktar iħarsu l-interessi tas-sidien milli tar-residenti'

Kien hawn li s-Sindku tal-Għarb saħaq li s-sidien tal-farmhouses għandhom huma wkoll jintalbu jikkontribwixxu u jħallsu kif jagħmlu s-sidien ta' lukandi u negozji oħra biex jagħmlu tajjeb għall-pressjoni li tinħoloq u l-parkeġġ li jnaqqsu.

Fil-fatt teżisti dik li tissejjaħħ il-Commuted Parking Payment Scheme fejn meta żvilupp ikun se jnaqqas il-parkeġġ jew inkella ma jkunx se jipprovdi biżżejjed parkeġġ skont il-kobor tiegħu, is-sid jintalab iħallas ‘multa’ liema multa tmur għand il-Kunsill Lokali biex tintuża għal xogħlijiet fil-komunità, l-aktar fejn jidħol l-ambjent.

"Is-sidien qed jaqilgħu l-flus għad-dettriment tar-residenti," saħaq is-Sindku. "Għandhom jintalbu jħallsu huma wkoll."

Kien hawn li kkritika wkoll lill-awtoritajiet responsabbli, fosthom l-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f'Għawdex li fi kliemu "tħares aktar l-interessi tas-sidien milli tal-lokalitajiet."

Fl-Għarb biss hemm 45 B&B
Fl-Għarb biss hemm 45 B&B

'Bżonn li jiġu aġġornati l-liġijiet'

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta' San Lawrenz, Noel Formosa, insista li s-sidien għandhom ikunu aktar responsabbli u jaħdmu id f'id mal-komunità bil-għan li ħadd ma jbati.

Madanakollu dan ma jfissirx li ma għandux ikun hemm aktar infurzar, anzi insista li għandhom jiġu aġġornati l-liġijiet, l-aktar dawk li jirrigwardjaw l-istorbju bil-għan li dawn ikunu jirriflettu aktar iż-żminijiet tal-lum (ara 'l kaxxa).

"Hemm bżonn li jkun hemm iżjed regolamenti. Ma jistax ikun li kulħadd jibqa' jiġi jitnellaħ mill-ġirien," saħaq Formosa.

Apparti l-istorbju insista wkoll li l-fatt li fil-farmhouses il-ħin kollu ġejjin u sejrin nies differenti, ħafna residenti, b'mod partikolari dawk anzjani u li jgħixu waħedhom mhux qed iħossuhom biżżejjed siguri għax ma jafux minn qed jgħix bieb ma' bieb magħhom.

Kien għalhekk li fost affarijiet oħra, insista li għandha tiżdied il-preżenza tal-Pulizija, mhux biss biex jiġbdu l-attenzjoni meta l-istorbju eċċessiv ikun qed idejjaq lir-residenti, iżda biex il-ġirien iħossuhom aktar siguri u protetti.

Noel Formosa
Noel Formosa

'Ma għandux ikun is-sindku li jmur iħabbat il-bibien'

Fil-fatt, iż-żewġ sindki insistew fuq il-bżonn li l-kunsilli jingħataw aktar saħħa biex ikollhom aktar kontroll, għax fi kliemhom, il-kunsill lokali jkun il-ħin kollu fil-post u qalb ir-residenti.

"Aktar mal-poter jiltla' 'l fuq aktar isir diffiċli l-kontroll," saħaq David Apap Agius. Kien hawn li fost oħrajn ippropona li kull kunsill lokali jkollu gwardjani lokali li l-għan tagħhom ikun li jipproteġu lir-residenti.

"Għandu jkun dan ir-regolatur jew gwardjan li jmur iħabbat il-bieb biex isikket l-istorbju u mhux is-sindku," insista Apap Agius.

Temm jittama li r-riforma fil-kunsilli lokali li qed tkun proposta u diskussa, tkun tinkludi miżuri li jagħtu s-saħħa lill-kunsilli biex jindirizzaw dawn l-isfidi.

Mhux magħruf meta se titressaq il-liġi kontra t-tniġġis mill-istorbju

Kelliem għall-Ministeru tal-Ambjent qal mal-gazzetta ILLUM li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar il-liġi kontra t-tniġġis mill-istorbju.

Minkejja li f'Jannar li għadda, kelliem għall-istess Ministeru kien qal mat-Times of Malta li fil-futur qrib se jitressaq l-abbozz, f'kummenti ma' din il-gazzetta, il-kelliem insista li għad ma hemm l-ebda indikazzjoni meta din il-liġi se ttieħed quddiem il-Parlament.

Qal biss li d-diskussjoni ħadet aktar fit-tul milli kien maħsub, anke għax fiha hemm involuti ħafna stakeholders, fosthom il-kunsilli u l-Pulizija.

Spjega kif  bħalissa huma ħafna dawk l-istakeholders li qed iħejju dan l-abbozz u fost oħrajn jaħdmu fuq il-qafas legali tal-liġi.

Ħtieġa ta' liġi simili nħasset aktar u aktar wara li stħarriġ tal-Eurostat kien poġġa lil Malta bħala l-aktar pajjiż storbjuż tal-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt mhumiex l-Għawdxin biss li jilmentaw bl-istorbju. Stħarriġ ieħor tal-Eurostat u ppubblikat mill-gazzetta ILLUM fis-17 ta' Ġunju li għadda, kien wera kif ir-residenti Beltin huma l-inqas kuntenti bil-livell tal-istorbju u dan meta kienu mqabbla ma' residenti oħra tal-ibliet kapitali Ewropej.

Tant hu hekk li s-Sindku tal-Belt Valletta, Alexiei Dingli, kien saħaq li ma jaqbilx li jinħarġu permessi għal postijiet ta' divertiment fiż-żoni residenzjali u ppropona li s-sidien għandhom ikunu kostretti jinstallaw 'Sound Meters'.

L-għan ta' dawn is-'Sound Meters' huwa li jaqtgħu d-dawl awtomatikament meta l-livell tal-istorbju jilħaq ċertu livelli.

More in Politika