Il-Forzi Armati jsegwu dgħajsa bl-immigranti li riedu jmorru l-Italja; It-Taljani jinjorawha

L-Immigranti rrifjutaw l-għajnuna tal-Forzi Armati iżda l-patrol boat baqgħet isegwihom kif kella dmir li tagħmel

Dgħajsa li għandha fuqha għadd ta' immigranti rrifjutat l-għajnuna tal-Forzi Armati ta' Malta minkejja li l-patrol boat baqgħet isegwihom sakemm kienu fiż-Żona tat-Tfittxija u s-Salvataġġ Maltija bil-għan li tassisti f'każ li jkun hemm bżonn.

Fi stqarrija maħruġa tard il-Ħamis filgħaxija, il-Gvern Malti spjega li l-immigranti ma ridux l-assistenza tagħhom għax filwaqt li saħqu li ma kellhomx bżonn l-għajnuna qalu li riedu jkompli bil-vjaġġ tagħhom lejn id-destinazzjoni li xtaqu, jiġifieri l-Italja.

Malli ħarġu mill-ibħra territorjali Maltin, il-gżira Taljana ta' Lampedusa kienet l-aktar port sigur viċin.

Minkejja li l-bastiment kien interċettat mill-Gwardji tal-Kosta Taljani, il-Gvern Malti saħaq li għall-kuntrarju ta' dak li għamlu l-Forzi Armati ta' Malta, iċ-Ċentru għall-Koordinament tas-Salvataġġ Marittimu bbażżat Ruma ma' wera l-ebda interess fl-immigrant.

L-istqarrija tisħaq li ċ-Ċentru ma għandu l-ebda dritt li jitlob lil Malta biex tipprovdi port sigur lil din id-dgħajsa.

 

More in Politika