Iridu investigazzjoni oħra mingħajr ma jkunu involuti l-Pulizija Maltija

...jgħidu li l-investigazzjoni mhux qed tħares lejn l-istampa l-wiesgħa u jisħqu li huwa sorprendenti li ħadd mill-Gvern ma ġie investigat

Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia talbu l-parir legali tad-Ditta Bhatt Murphy Solicitors tar-Renju Unit li fost affarijiet oħra, wara diversi kunsiderazzjonijiet, ikkonkludew li Malta għandha immedjatament tordna investigazzjoni kriminali oħra iżda li fiha ma tkunx involuta l-Pulizija Maltija.

Fir-rapport ta' 33 paġna, l-avukati jisħqu li huwa 'sorprendenti' kif sal-lum għadhom ma ġewx investigati persuni li kienu fiċ-ċentru tal-kritika tar-rapurtaġġ tagħha waqt li jagħmlu enfasi partikolari fuq membri tal-Gvern.

"Dan huwa sorprendenti ħafna meta wieħed iqis li l-familja hija mħassba li l-assassinju ta' Caruana Galizia ġie ordnat minn xi ħadd li kien suġġett tar-rapurtaġġ tagħha," ikompli r-rapport.

Bhatt Murphy Solicitors jisħqu aktar minn darba li biex Malta tkun konformi mal-Artiklu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR), għandha tibda investigazzjoni effettiva li tanalizza diversi fatturi li setgħu waslu jew inkella kkontribwixxew għall-qtil tagħha. 

Uffiċjali tal-Gvern u Membri Parlamentari tal-Gvern qed jibqgħu jkissru lil Caruana Galizia u lis-sorsi tagħha

"Seba' xhur wara l-assassinju, Malta falliet milli tordna kwalunkwe forma ta' inkjesta dwar iċ-ċirkustanzi l-wiesgħa tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia," ikompli r-rapport.

'Ma sar xejn biex tkun protetta l-integrità ta' xogħol Daphne'

L-avukati juru wkoll it-tħassib tagħhom għax fi kliemhom ma ttieħdu l-ebda miżuri biex tkun protetta l-integrità tax-xogħol ġurnalistiku ta' Caruana Galizia, partikolarment is-sorsi tagħha.

"Għall-kuntrarju, uffiċjali tal-Gvern u Membri Parlamentari tal-Gvern qed jibqgħu jkissru lil Caruana Galizia u lil dawk ikkunsidrati s-sorsi tagħha," ikompli r-rapport.

X'jipproponi li għandu jsir?

Kien f'dawn id-dawl li r-rapport jikkonkludi li Malta qed tikser l-Artiklu 2 tal-ECHR u jisħaq li s-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar għax:

  • l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta, li huwa ir-raġel tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, sa ftit ilu kien għadu involut fl-investiogazzjoni u "l-Gvern qed jibqa' jikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti li dan ma għandux ikompli jinvestiga l-każ; u
  •  għax ma hemm l-ebda investigazzjoni dwar jekk il-qtil ta' Caruana Galizia setax ġie evitat.

F'dan id-dawl li d-ditta Bhatt Murphy Solicitors tipproponi li:

  • l-Gvern Malti, mingħajr dewmien, jistieden lil Europol biex tibda investigazzjoni kriminali oħra parallela ma' dik immexxija mill-Maġistrat Neville Camilleri,
  • tinfetaħ inkjesta pubblika li tkun indipendenti, effettiva u trasparenti.

Fi kliem l-Avukati, din l-inkjesta għandha tistabbilixxi jekk:

  • l-awtoritajiet Maltin kinux jafu jew kellhomx ikunu jafu bi kwalunkwe theddida li seta' kien hemm fuq il-ħajja ta' Caruana Galizia;
  • jekk l-assassinju setax kien evitat; u
  • jekk hemmx bżonn tibdiliet legali jew prattiċi bil-għan li jkunu protetti l-ħajjiet ta' ġurnalisti investigattivi jew inkella attivisti kontra l-korruzzjoni.

Issa x'se jiġri?

Ir-rapport itemm jgħid li l-familja se tkun qed issejjaħ lill-Gvern Malti biex jagħti prijorità lil dawn il-passi u jekk dan ma jseħħx se jkunu qed iħabbru passi ulterjuri.

Tony Murphy, wieħed mill-Avukati insista li l-Gvern ingħata ċans sal-aħħar ta' Awwissu biex jonora dawn it-talbiet. Jisħaq li jekk il-Prim Ministru se jirrifjuta, il-familja mhux se jkollha għażla oħra ħlief li tiftaħ proċeduri legali f'Malta u jekk ikun hemm bżonn anke fil-Qorti Ewropea għad-Drittijet tal-Bniedem.

More in Politika