Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Diskussjonijiet għal servizz tal-ajru bejn Malta u l-Ġappun

Transport Malta u l-Uffiċċju għall-Avjazzjoni Ċivili tal-Ġappun iltaqgħu f’Tokyo iktar kmieni din il-ġimgħa

Albert Gauci Cunningham / 4 t'Awwissu 2018 12:25
Titjiriet bejn Malta u Tokyo?
Transport Malta u l-Uffiċċju għall-Avjazzjoni Ċivili tal-Ġappun iltaqgħu f’Tokyo iktar kmieni din il-ġimgħa biex jiddiskutu l-qafas regolatorju li hemm bżonn biex jiġu stabiliti servizzi tal-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi.

Transport Malta kienet parti mid-delegazzjoni kummerċjali, mmexxija mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li żaret il-Ġappun f’dawn il-jiem,.  Il-Kaptan Charles Pace, id-Direttur Ġenerali għall-Avjazzjoni Ċivili, iltaqa’ ma rapreżentanti tal-Uffiċċju għall-Avjazzjoni Ċivili tal-Ġappun, linji tal-ajru Ġappuniżi u numru ta’ stakeholders fl-industrija tal-avjazzjoni, bil-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-oqsma tal-avjazzjoni fiż-żewġ pajjiżi.

Malta se tkompli tibni fuq il-progress li sar f’dawn il-laqgħat, biex tistabilixxi ftehim għas-servizzi tal-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi.  Iż-żewġ delegazzjonijiet qablu fuq rotot li għandhom jitħaddmu mil-linji tal-ajru, capacity entitlements, code-sharing, sigurta’ fl-avjazzjoni u arranġamenti operazzjonali oħra.

Il-laqgħat kienu pass importanti ħafna għal Malta, fil-mixja tagħha biex tkattar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-avjazzjoni.

L-industrija tal-ajru fil-Ġappun, tħaddan iktar minn miljun post tax-xogħol u tiġġenera iktar minn €70 biljun ewro fi prodott gross domestiku.  Il-Ġappun qed iwettaq politika ta’ espansjoni tal-kapaċitá bil-għan li jakkomoda 39,000 moviment internazzjonali fl-ajru iktar, sas-sena 2020.

Tajjeb wiehed jghid li operaturi jitkellmu mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta biex ikabbru l-flotta jew biex jistabilixxu lilhom infushom bħala operaturi ġodda fil-ġurisdizzjoni tagħna.  Oħrajn ifittxu li jespandu ż-żoni tal-operazzjoni tagħhom u jkabbru l-portafoll tal-liċenzji tagħhom.  Sax-xahar l-ieħor, TM irreġistrat l-ewwel A380 li qed jopera taħt il-bandiera Maltija.  L-ajruplan huwa l-ikbar wieħed tal-passiġġieri fis-suq.

Malta qed tiżviluppa f’ċentru għall-avjazzjoni, b’ qafas legali b’saħħtu iżda flessibli u għaldaqstant qed tpoġġi lilha nnifisha bħala ġurisdizzjoni attrajenti għar-reġistrazzjoni tal-ajruplani.  Leġislazzjoni ġdida tat nifs ġdid lill-industrija Maltija u l-pajjiż baqa’ jibni b’pass meqjus raggruppament ta’ servizzi għall-industrija, li jinkludu l-manutenzjoni, l-immaniġjar tal-ajruplani, moviment ta’ merkanzija, taħriġ, finanzjar tal-assi u gradwalment, elementi mis-settur tal-kiri tal-ajruplani.

 

 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook