'Ma nistgħux nibqgħu ngħidu li Egrant hija ta' Muscat...tkun arroganza'

"Kif nistgħu nkunu kredibbli jekk nistrieħu fuq dak li jgħid ħaddieħor?" - Adrian Delia jgħid f'referenza probabli għal Daphne Caruana Galizia

Meta kien qed jitkellem fuq il-programm Iswed fuq l-Abjad fuq Net TV il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li "inutli nitkellmu fuq is-saltna tad-dritt u r-rispett lejn il-Qorti. Il-Qorti tkellmet issa...ma nistgħux nibqgħu ngħidu li Egrant hija ta' Muscat, tkun arroganza," sostna Delia li beda jikkwota l-istqarrija tal-Avukat Ġenerali dwar il-konklużjonijiet tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Staqsa jekk l-attivisti tal-PN iridux li l-partit jibqa' mwaħħal mal-karru li tellef lill-PN b'40,000 vot.

"Ħadd mhu ikbar mill-partit...għall-ġid tal-PN u jekk vera nemmnu fid-demokrazija rridu nwettquha, mhux nippretendu li oħrajn biss iwettquha. Għalhekk, hemm bżonn iġorr ir-responsabilità l-Partit Nazzjonalista, imma anke l-Gvern issa jrid iġorr responsabilità."

Huwa fakkar li apparti ta' Egrant hemm inkjesti oħrajn, "mhu vera xejn li din l-inkjesta eżonerat lil Konrad Mizzi," sostna Delia, li fakkar kif huwa fatt, mhux allegazzjoni, li Mizzi kellu kumpanija fil-Panama. "Anke Keith Schembri kellu kont...dawn ma refgħux responsabilità u se nibqgħu niġru anke wara l-Prim Ministru dwar dan."

"Hemm responsabilità politika. Il-PM qed jipprova juża l-inkjesta ta' Bugeja biex mingħalih jgħid li kulħadd eżonerat...imma minn naħa l-oħra aħna ma nistgħux nitfgħu kollox fl-istess keffa, jekk irridu nkunu kredibbli," insista Delia. 

"Kif nistgħu nkunu kredibbli jekk nistrieħu fuq dak li jgħid haddieħor?" staqsa Delia f'referenza probabli għal Daphne Caruana Galizia. "Il-politiku għandu d-dmir li jara u jqis, qabel ma jagħmel tiegħu, xi ħaġa," insista, għal darb'oħra f'referenza indiretta għall-istorja Egrant

Dwar is-sitwazzjoni li żviluppat matul il-ġurnata, b'10 Deputati jieħduha kontra d-deċiżjoni ta' Delia li Busuttil jitneħħa mill-PN, huwa staqsa jekk dawn jemmnux li l-partit u l-pajjiż jiġu l-ewwel u qabel kollox. Huwa sostna li għalkemm il-PN "jista' jitlef aktar voti, għalkemm se jkun hemm min jitlaqna, se nissaħħu aktar wara din is-sitwazzjoni...se nkunu aktar b'saħħitna minn qatt qabel."

"Biex ningħaqdu, hemm bżonn li kulħadd jiġi fuq il-mejda," sostna Delia li aċċerta lil dawk isegwu li hu wiegħed 'new way' u hekk qed jagħmel.

More in Politika