L-Bank Ċentrali Ewropew se joqgħod fuq l-FIAU dwar il-Pilatus

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Bank Ċentrali Ewropew li jfakkar illi hu m'għandux il-jedd jinvestiga l-Bank Pilatus, imma se joqgħod fuq l-informazzjoni li ngħatat minn Malta...

Biex il-Bank Ċentrali Ewropew jirrevoka l-liċenzja tal-Bank Pilatus irid jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-investigazzjoni li saret f'Malta mill-awtoritajiet li jaħdmu kontra l-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Jiġifieri l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), li kienet  tat ċertifikat pożittiv lill-Bank Pilatus tant li kkonkludiet li ma kien hemm xejn inkriminanti fl-operat tiegħu. Dan żvelah mal-gazzetta ILLUM, kelliem għall-Bank Ċentrali Ewropew, David Schäfer.

Dan jista' jfisser illi minkejja li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) talbet għar-revokazzjoni tal-liċenzja ta' dan il-bank, ibbażat fuq ir-rapport tal-FIAU, il-Bank Ċentrali Ewropew jista' jiddeċiedi li fil-fatt ma jirrevokax

Schäfer, qal li minkejja t-talba li saret mill-MFSA, ma jfissirx li l-Bank Ċentrali Ewropew qabad u rrevoka l-liċenzja tal-Bank Pilatus, iżda bħalissa "qed jipproċessa din it-talba."

Spjega li l-Bank Ċentrali Ewropew ma għandu l-ebda setgħa li jinvestiga istituzzjonijiet partikolari li allegatament ikunu qed jintużaw għall-ħasil tal-flus jew inkella għall-finanzjament tat-terroriżmu.

Dan ifisser li bħalissa l-Bank Ċentrali Ewropew qed jiġbor kemm jista' jkun informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti Maltin, l-MFSA u fuq kollox l-FIAU qabel ma jkun jista' jasal għall-konklużjoni, jiġifieri jekk jirrevokax jew le, il-liċenzja tal-Bank Pilatus.

 

Din l-aħbar tiġi fid-dawl tal-fatt li nhar l-Erbgħa li għadda, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) akkużat lill-FIAU "b'nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi" fil-mod kif applikat id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus fl-investigazzjoni tagħha tal-Bank Pilatus, iżda mhux biss.

 

Il-Bank Pilatus u l-ispezzjonijiet tal-FIAU

F'Ottubru tal-2015, l-MFSA, wara spezzjoni li għamlet fil-Bank Pilatus dwar il-miżuri użati mill-Bank kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, kienet talbet lill-FIAU biex twettaq investigazzjoni indipendenti b'mod partikolari dwar il-klijenti ta' Pilatus li huma PEPs (politically exposed persons).

F'Marzu tal-2016, l-FIAU kienet wettqet l-ewwel spezzjoni tagħha fil-bank u aktar tard, fis-17 ta' Frar, kienet bagħtet ittra lill-bank li fiha tagħmel referenza għal ksur serju fejn jidħlu r-regoli kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

F'Awwissu tal-istess sena saret spezzjoni oħra li fiha ntalbet dokumentazzjoni dwar 'due diligence' li saret fuq il-klijenti u li fl-ewwel spezzjoni ma kinitx disponibbli, tant li kienet instabet dokumentazzjoni jew fajls tal-klijenti li fl-ewwel żjara tal-FIAU ma kinux inatawlha.

L-ILLUM tippubblika r-rapport tal-FIAU

Kienet il-gazzetta ILLUM li f'Novembru tas-sena li għaddiet ippubblikat ir-rapport, datat is-26 ta' Settembru 2016, dwar dawn iż-żewġ żjarat li għamlet l-FIAU.

F'dan ir-rapport, l-Aġenzija kienet kitbet hekk: "Filwaqt li l-FIAU tirrikonoxxi li l-bank issa għandu d-dokumenti meħtieġa, l-FIAU tibqa’ mħassba fuq il-fatt li din id-dokumentazzjoni, li ġiet mitluba oriġinarjament waqt l-eżami ta’ Marzu tal-2016, ma ġietx ipprovduta lill-uffiċjali tal-istess FIAU u tal-MFSA fil-ħin."

Kien ikompli jgħid li “f'termini ta' ‘due diligence’ minħabba l-klijent u ż-żamma tar-rekords, din id-dokumentazzjoni kellha tkun faċilment disponibbli jew inkella b’mod li tkun tista' tinkiseb faċilment mill-‘Money Laundering Reporting Officer," madankollu, din id-dokumentazzjoni kienet disponibbli biss wara l-ittra tas-17 ta' Mejju tal-2016.

“Ir-raġuni għaliex id-dokumentazzjoni inkwistjoni ma ġietx ipprovduta lill-uffiċjali matul l-ewwel eżami tibqa' mhix ċara," ikompli r-rapport.

Iżda, minkejja dan kollu, l-FIAU tisħaq li "l-kwistjonijiet imqajma fl-ittra tas-17 ta' Mejju tal-2016 (ara aktar 'il fuq) issa huma magħluqa.” Jikkonkludi li dwar il-Bank Pilatus ma nstab xejn inkriminanti (għall-kuntarju ta' dak li qed jgħidu il-prosekuturi Amerikani fil-każ ta' Ali Sadr Hasheminejad... aqra aktar 'il quddiem f'dan l-artiklu).

Il-kundanna tal-EBA

Madanakollu hawn tidħol il-kundanna tal-EBA li tisħaq kif l-FIAU ma żammitx biżżejjed informazzjoni ta' dawk il-fajls jew dokumenti speċifiċi li kienu eżaminati fl-ewwel żjara, biex ikun stabbilit liema fajls tal-klijenti ġew eżaminati u liema 'due diligence' kienet disponibbli jew le.

Ir-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea jikkonkludi wkoll li lanqas ma teżisti informazzjoni dwar jekk saritx talba mill-FIAU biex il-Bank Pilatus jipprovdi dawk id-dokumenti li ma kellhiex aċċess għalihom mill-ewwel.

Agħar minn hekk, jikkonkludi r-rapport, waqt it-tieni żjara, l-FIAU ma żammet l-ebda lista dettaljata ta' dawk id-dokumenti li eżaminat b'referenza għall-ewwel żjara. Tisħaq ukoll li waqt it-tieni żjara, l-FIAU ma investigatx "il-konklużjonijiet aktar serji" mniżżla fil-lista tas-17 ta' Mejju 2017 (ara aktar 'il fuq.)

"Minkejja n-natura serja ta' dak li sabet wara l-ewwel żjara, l-FIAU ma ddokumentatx jew inkella ma tatx raġunijiet jew argumenti validi dwar għalfejn ma ħassitx il-bżonn li timponi  sanzjonijiet jew inkella miżuri oħra ta' superviżjoni," tkompli tisħaq l-EBA.

Hawn tfakkar li l-FIAU kienet sabet "riskju kbir ta' ħasil ta' flus u finanzjament tat-terroriżmu li l-bank kien espost għalih...u anke n-nuqqas ta' miżuri kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu stabbiliti mill-bord tad-diretturi tal-bank għal dawk il-klijenti kklassifikati bħala (PEPs).

L-EBA wriet ukoll l-iskantament tagħha kif minkejja li l-FIAU kienet uriet tħassib serju għall-fatt li fit-tieni żjara ngħatat dokumenti li ma kinux disponibbli fl-ewwel żjara, wara Settembru tal-2016, l-FIAU "ma żviluppat l-ebda pjan ta' superviżjoni mal-bank" u ħasset il-ħtieġa li twettaq superviżjoni oħra f'April tal-2017, meta l-allegazzjonijiet ħarġu fil-beraħ.

Imma l-Bank Pilatus għadu qed jiffunzjona?

Minkejja li l-liċenzja tal-Bank Pilatus għadha mhix revokata, għax kif qal David Schäfer, il-Bank Ċentrali Ewropew għadu qed jipproċessa t-talba, l-MFSA poġġiet diversi restrizzjonijiet fuq l-istess bank.

Fil-fatt, ħatret lil Lawrence Connell, eks regolatur finanzjarju fl-Istati Uniti, biex jamministra l-assi u t-tmexxija tal-bank, filwaqt li Pilatus ma jistax jiddisponi, jillikwida, jagħmel tranżazzjonijiet jew jitratta mal-assi jew il-flejjes tal-klijenti.

Apparti minn hekk, bi tweġiba għall-mistoqsijiet mibgħuta mill-gazzetta ILLUM, l-MFSA ma ċaħditx li tista' tieħu azzjonijiet jew miżuri oħra dwar il-każ Pilatus u qalet biss li se tagħmel pubblika kwalunkwe azzjoni.

Immedjatament wara li fl-Istati Uniti kien ġie arrestat Ali Sadri Hasheminejad, is-Sid Benefiċċjarju tal-Bank, l-MFSA kienet ordnat li l-istess Hasheminejad jinteħħa minn kull pożizzjoni li għandu fil-Bank u ma jagħmilx tranżazzjonijiet bankarji, la hu u lanqas xi ħadd li indirettament jew direttament għandu konnessjoni miegħu.

F'Marzu li għadda, Ali Sadr Hasheminejad, kien arrestat fl-Istati Uniti fuq sitt akkużi serji u jekk jinstab ħati, jista’ jispiċċa jqatta’ l-bqija ta’ ħajtu l-ħabs. Hashmenejad qed jiġi akkużat, fost oħrajn, li pprova jevadi sanzjonijiet li l-Istati Uniti imponiet fuq l-Iran.

Għalkemm l-akkużi ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-Bank Pilatus, Hasheminejad beda l-proċess biex japplika għal-liċenzja tal-Bank f’Malta, fl-istess żmien li kien qed jevadi s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti u kien qed ikun investigat mill-Awtoritajiet Amerikani.

Imma l-MFSA ma kienet sabet xejn fuq Hasheminejad

Mingħajr l-ebda dubju, meta wieħed jisma' bil-Bank Pilatus, l-ewwel ħaġa li tiġih f'moħħu hija l-kumpanija fil-Panama; Egrant, li Maria Efimova, l-eks impjegata tal-Bank Pilatus, li kienet allegat li meta kienet taħdem fil-bank kienet rat dokumenti li juru kif din il-kumpanija hija ta' mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat.

Kien hemm ukoll akkużi u allegazzjonijiet separati kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers Adrian Hillman. 

Iżda jibqa' l-fatt li l-MFSA talbet ir-revoka tal-liċenzja, mhux minħabba dawn l-allegazzjonijiet, iżda minħabba dak li dwaru qed ikun akkużat Ali Sadr Hasheminajad, bl-avukat li qed imexxu l-proskeuzzjoni tal-istat Amerikan kontra Hasheminejad, jorbtu l-Bank Pilatus f'Malta ma' "dħul kriminali."

Madanakollu, il-gazzetta ILLUM kienet żvelat ukoll li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji kienet approvat il-kompetenza u l-integrità ta' Ali Sadr Hasheminejad u dan minkejja li dak iż-żmien kien diġà investigat mill-Amerikani.

L-MFSA kienet qalet mal-ILLUM li meta tirċievi applikazzjoni biex istituzzjoni finanzjarja tingħata liċenzja, il-proċess ta’ valutazzjoni, jinkludi wkoll verifiki fuq il-kompetenza u l-integrità tal-persuni kkonċernati, inklużi d-diretturi, l-uffiċjali ewlenin u s-sidien diretti u indiretti.

Meta din gazzetta talbet lill-MFSA tispjega jekk dan ifissirx li kienet sabet lis-sid tal-Bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad, “kompetenti u integru,” kelliem għall-Awtorità wieġeb biss li “fejn l-MFSA tiskopri evidenza ta’ nuqqasijiet, din tieħu l-miżuri neċessarji.”

Kienet l-ILLUM wkoll li żvletat kif l-applikazzjoni biex il-Bank jiftaħ u jopera f'Malta bdiet fl-2012 taħt Gvern Nazzonalista. Dokumenti ppubblikati fuq is-sit illum.com.mt juru kif ir-reġistrazzjoni saret fis-6 ta' Diċembru tal-2013 u l-liċenzja tingħata f'Awwissu 2015. It-Trading Licence ngħatat lill-Bank Pilatus fl-2014.

L-uniku ħaġa li jista' jagħmel il-Bank Ċentrali Ewropew huwa li jasal għall-konklużjonijiet minn dawn il-fatti "partikolarment jekk dawn jiġġustifikawx ir-revoka tal-liċenzja."

 

More in Politika