Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

‘Jekk jilmentaw jaqilgħu xebgħa jew jinqatlu’ - l-immigranti fil-Libja

Uħud imġegħlin iġorru d-droga bħala ħlas u biex jissodisfaw id-domanda f’pajjiż taħt Malta li sar bejta ta’ kokaina, eroina u metafetamina u kuntrabandu saħansitra mill-Ewropa. L-ILLUM tirrapporta...

Albert Gauci Cunningham / 16 ta' Lulju 2018 08:48
Minkejja li bħalissa l-immigrazzjoni tinsab kważi fuq fomm kulħadd, kemm f’Malta iżda wkoll madwar l-Ewropa la l-mexxejja Ewropej u wisq inqas in-nies mhuma qed jitkellmu dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, minn fejn il-maġġoranza kbira ta’ immigranti Afrikani qed jitilqu.

F’riċerka u anke kuntatt li għamlet din il-gazzetta sabet illi s-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż ġar tagħna hija waħda gravi ħafna, tant li dan il-pajjiż illum apparti d-diżordni u l-qasma politika li hemm fih, sar bejta mimlija droga, ċentru tat-traffikar tal-kokaina u l-eroina, kif ukoll ċentru għat-traffikar tad-droga metafetamina.

Rapport mill-Istitut tal-Paċi tal-Istati Uniti ‘Ilicit Trafficking and Libya’s transition’  li intervista 200 persuna Libjana jgħid illi xi Afrikani li ġejjin minn pajjiżi fil-punent li ma jkunux jistgħu jħallsu l-prezz tat-trasportazzjoni, li jeħodhom il-Libja qabel eventwalment jispiċċaw fl-Ewropa, inkluż Malta, qed jintalbu jġorru fuqhom ammonti żgħar ta’ kokaina u eroina bil-għan li jintużaw bħala mezz ta’ trasportazzjoni fit-traffikar tad-droga lejn il-Libja.

Nies armati fil-Libja
Dan ir-rapport li jagħti ħarsa dettaljata ħafna lejn kull forma ta’ traffikar, inkluż dak tal-umani, jispjega kif iktar kemm qed jgħaddi ż-żmien iktar it-traffikar tad-droga u dak tal-bnedmin qed isiru relatati ma’ xulxin .

Dan l-abbuż, taħt imnieħer l-Ewropa, qed isib art fertili hekk kif wieħed mill-eqreb pajjiżi lejn Malta sar bejta ta’ drogi, bil-bliet ta’ Tripli, Misurata u Benghazi, jgħid dan ir-rapport, jispiċċaw punt kruċjali għat-traffikar tal-kokaina u l-eroina.

Studju ieħor jikkonferma dan. Fil-fatt riċerka li saret mill-Università ta’ Kyoto, bl-għajnuna tal-awtoritajiet Libjani tikkonferma li d-domanda għall-kokaina u l-eroina qed tiżdied fil-Libja, b’ħafna immigranti jispiċċaw f’nofs dan iċ-ċirku.

‘Tant hi ħażina s-sitwazzjoni li ma nista’ neskludi xejn’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Ahmed Bugri, persuna mill-Ghana imma li llum għandu ċittadinanza Maltija u li għal xi żmien kien qed jieħu ħsieb iċ-Ċentru miftuħ tal-Marsa. Huwa qal li għalkemm hu personalment qatt ma ltaqa’ ma’ xi ħadd li kien imġiegħel iġorr droga fuqu, ma jeskludi xejn. “Is-sitwazzjoni fil-Libja hija tant ħażina u fluwida li kollox jista’ jiġri, ma tista’ teskludi assolutament xejn.”

Huwa ddeskriva s-sitwazzjoni fil-Libja bħala waħda kaotika, fejn tirrenja nuqqas  ta’ fiduċja lejn l-awtoritajiet, xi ħaġa li fil-fatt hija kkonfermata fir-rapport tal-istitut Amerikan.

“M’hemmx qrati, m’hemmx pulizija bħal hawn u jekk tispiċċa l-ħabs ma toħroġx minn hemm, sakemm ma tħallasx,” jgħid Bugri, xi ħaġa wkoll li tissemma fir-rapport illi jispjega kif, kemm il-ħabs u anke ċ-ċentri ta’ detenzjoni huma mmexxija minn gruppi ta’ persuni armati.

Ahmed Bugri
‘Jekk immigrant jilmenta jaqla’ xebgħa jew joqtluh...’

Bugri jiddeskrivi s-sitwazzjoni tal-biża’ illi fiha jinsabu mijiet ta’ immigranti, iddisprati biex jitilqu mil-Libja u jsibu kenn fl-Ewropa. “In-nies negozju. Pereżempju jekk immigranta Afrikana tkun trid tiekol ikel tajjeb ikollha tbigħ lilha nnifisha, tipprostitwixxi ruħha biex tiekol.”

“Hemmhekk mhux se tilmenta, ma tarax! Jekk tgħid nofs ta’ kelma taqla’ xebgħa jew inkella jispiċċaw joqtluk,” spjega Bugri filwaqt li fakkar illi l-Libja ma ffirmatx konvenzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem.

Allura l-Libja mhux port sigur, hux hekk? “Port sigur meta lanqas gvern m’għandek? Kif jista' jkollok port sigur f’post fejn in-nies huma oġġetti li minn fuqhom tagħmel negozju?”

Armati sa snienhom bil-kokaina...

Intant, ir-rapport Amerikan jgħid illi l-preżenza ta’ Niġerjani f’diversi bliet u rħula mal-kosta, tikkonferma r-rabta bejn it-traffikar tan-nies u dak tad-droga.

Jiddeskrivi wkoll x’inhi d-differenza bejn it-traffikar tal-kokaina u dik tal-hashish (kannabis). Il-kokaina u l-persuna li qed iġġorrha tkun protetta sew, b’nies li jkunu armati sew, organizzati u mill-aktar vjolenti. Ċaqlieqa żejda u tinqatel!  Min-naħa l-oħra l-kannabis hija traffikata permezz tal-parteċipazzjoni ta’ komunità sħiħa ta’ nies, min jittrasportaha, min jitfagħha f’pakketti... Dan juri illi din ix-xibka diffiċilissimu ħafna biex tinqata’ għax tinvolvi ħafna nies, kuntatti u saħansitra l-għixien ta’ komunitajiet sħaħ b’mod speċjali dawk viċin il-fruntieri tal-Libja mal-Eġittu u t-Tuneżija.

Ir-rapport isemmi Zuwarah bħala l-port illi minnu dak traffikat, inkluż nies, jimxi lejn postijiet oħrajn fosthom  Malta.

F’Settembru tas-sena l-oħra l-Ispettur Trevor Micallef, fil-qorti kien irrapporta  li numru ta’ Libjani li qed jaslu Malta jitolbu l-ażil kienu involuti fis-suq tad-droga. Micallef kien qed imexxi l-prosekuzzjoni kontra Ali Allagi li kien arrestat fuq akkużi ta’ bejgħ ta’ kannabis.

Jiżiedu n-nies infettati bl-HIV

L-użu tad-drogi, li huwa mifhum li qed jiżdied, qed iwassal biex fil-pajjiż ġar tagħna jiżdiedu l-każi ta’ persuni li għandhom l-HIV. Fil-fatt ir-riċerka mill-Univeristà ta’ Kyoto turi li 87% ta’ dawk li jittaqbu kellhom l-HIV, l-ogħla rata ta’ HIV fid-dinja fost dawk li jieħdu droga li tinvolvi t-titqib. 90% ta’ dawk li pparteċipaw fir-riċerka wieġbu li xi ħadd minn sħabhom jieħu d-droga wkoll.

L-istess riċerka tgħid illi t-teħid tad-droga kiber tant minħabba diversi raġunijiet, fosthom it-trawma personali u nazzjonali li għaddiet minnha l-Libja minn wara r-rivoluzzjoni, nuqqas kbir ta’ xogħol u allura sens ta’ rassenjazzjoni.

Ta’ interess partikolari kien kumment ta’ priġunier ta’ 16-il sena li qal hekk; “minn wara r-revoluzzjoni, il-prezzijiet tal-ikel żdiedu. Meta tistaqsi għaliex, jgħidulek minħabba l-gwerra u l-importazzjoni limitata. Sadanittant imma, il-prezz tad-drogi beda nieżel u l-purità tielgħa u tista’ ssibhom kullimkien. Id-drogi saru irħas mill-ikel.”

Id-droga u l-kuntranbandu tagħha mhix kwistjoni li bdiet ilbieraħ. Lejn l-aħħar mumenti tad-dittatorjat tiegħu, il-Kurunell Muammar Gaddafi kien akkuża lill-ISIS illi kienu qed jagħtu d-drogi lil dawk li  kienu qed jiddimostraw kontrih, stqarrija li ħafna sabuha redikola.

Għal ħafna Libjani s-suwed huma skjavi

Fil-kummenti tiegħu ma’ din il-gazzetta Bugri qal li l-immigranti li jispiċċaw il-Libja, jittamaw li jitilqu huma ttrattati ħażin mhux biss fiċ-ċentri imma wkoll minn nies fit-triq. “Fil-Libja l-immigranti Afrikani huma meqjusin bħala skjavi... darba meta kont il-Libja mort biex nixtri minn ħanut u sid il-ħanut qalli li mhux se jbigħli għax ma jbigħx lil nies Afrikani, għax huma skjavi.”

It-traffikanti jridu l-anarkija

L-Istitut tal-Paċi tal-Istati Uniti jgħid illi fost ir-rotot l-aktar komuni hemm dik illi  fiha l-immigranti jitilqu minn Madama fin-Niġerja, biex imbagħad jimxu għal Murzuq u wara Sebha, fejn l-immigranti jsibu xogħol u b’hekk ikollhom il-flus biex ikunu jistgħu jkomplu l-vjaġġ lejn Tripli, minn fejn jitilqu għall-Mediterran.

Ir-rapport tal-Istitut Amerikan jitkellem dwar il-fatt illi t-traffikar tal-bnedmin, fost oħrajn huwa l-aħjar inċentiv biex l-istat Libjan jibqa’ dgħajjef hekk kif gruppi armati jaqblilhom li l-pajjiż jibqa’ fl-anarkija biex jibqgħu jagħmlu l-flus mill-kuntrabandu.

Is-sitwazzjoni ddeterjorat mit-tmexxija ta’ Gaddafi u dan minħabba, jgħid ir-rapport,  li Gaddafi kien jikkontrolla d-dħul illegali ta’ prodotti b’mod illi jgawdu dawk qirb tiegħu u biex iżomm komunitajiet kuntenti għax ikollhom il-flus u b’hekk joqtol kull forma ta’ oppożizzjoni.

Il-Libja fil-fatt mhix biss bejta tad-droga imma ta’ kull ħaġa li dieħla b’kuntrabandu fosthom, ammont kbir ta’ karozzi ‘second-hand’ li qed jaslu l-Libja.

Taħt Gaddafi l-kuntrabandu kien 'ikkontrollat' f'idejn dawk li jappoġġjaw lilu
Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook